Lokali

Rapporti jikxfu r-rabta bejn 17 Black u l-proġett tal-windfarms fil-Montenegro

Żvelat l-irwol ta' Chen Cheng, in-negozjatur implikat fil-Panama Papers

Skandlu kbir, bil-kobba tkompli titħabbel – jinkixfu aktar rabtiet li kien hemm bejn nies implikati fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u l-proġett tal-windfarms illi kienet xtrat il-kumpanija Enemalta fil-Montenegro, fiż-żmien meta Joseph Muscat kien Prim Ministru.

Il-gazzetta Sunday Times of Malta illum qed tirrapporta kif fl-2014 l-Enemalta kienet preżentata bl-isem tal-kumpanija Cifidex; kumpanija finanzjata minn 17 Black ta’ Yorgen Fenech. B’Cifidex tiġi preżentata bħala l-aġent ewlieni tal-windfarms, meta lanqas biss kienet għadha xtrat dan l-impjant fil-Montenegro. Fi kliem sempliċi, prova ċara li kollox kien maħdum biżżilla minn xhur qabel.

It-Times tiżvela illi kien iċ-Ċiniż Chen Cheng li introduċa lil Cifidex mal-Enemalta. Il-preżentazzjoni saret f’Diċembru ta’ sitt snin ilu.

L-istess gazzetta qed tgħid li l-Bord tal-Enemalta approva fil-prinċipju x-xiri tal-windfarms fil-Montenegro dakinhar stess li saret din il-preżentazzjoni.

Li huwa stramb ħafna hu, li Cifidex bdiet tinnegozja biex takkwista l-windfarms wara li saret din il-laqgħa ma’ Chen Cheng.