Lokali

Sejħa kontra l-attakki brutali tal-Pulizija Niġerjana

End Nigerian Police Brutality

End Bad Governance

End SARS

Kienu dawn uħud mill-messaġġi minn għadd ta’ Niġerjani li jgħixu Malta f’rally paċifika li saret quddiem il-Parlament Malti fid-dawl tal-vjolenza li hemm fin-Niġerja.

Net News tkellem mal-President tal-Assoċjazzjoni tan-Niġerjani f’Malta, Patrick Umanah, fejn spjegalna iktar l-għan ta’ din ir-rally.

Madwar tliet ġimgħat ilu, għexieren ġew maqtula filwaqt li mijiet oħra ġew feruti fin-Niġerja wara ordni mill-Gvern Niġerjan biex il-pulizija jisparaw fuq id-dimostranti li qed jirribellaw kontra l-pulizija.

Id-dimostranti niżlu fit-toroq ta’ Lagos fil-bidu tal-ġimgħa, bi gruppi tad-drittijiet umani qed jakkużaw lill-Pulizija li użaw forza eċċessiva, b’riżultat li swew il-ħajjiet tan-nies.

Il-protesti ilhom għaddejjin iktar minn ġimagħtejn wara li ħareġ filmat li juri Pulizija qed issawwat raġel. Matul dawn l-aħħar ġranet, mill-inqas 56 persuna tilfu ħajjithom kaġun tal-ġlied li qed jinqala’ bejn id-dimostranti u l-Pulizija.