Internazzjonali

Stati Uniti: Donald Trump determinat li jegħleb ‘id-distakk’ ma’ Joe Biden

Il-President Repubblikan tal-Istati Uniti, Donald Trump, fi tmiem il-ġimgħa, kien ferm attiv waqt il-kampanja tiegħu biex jerġa’ ikun elett fit-tmexxija ta’ pajjiżu għal erba’ snin oħra.

Trump, fl-aħħar sigħat, indirizza numru ta’ rallies waqt programm ta’ ivvjaġġar intensiv li kien jinvolvi waqfiet fl-Istati ta’ North Carolina, Ohio u Wisconson.  Dan meta l-President Amerikan qed iżid l-isforzi tiegħu biex inaqqas mid-distakk ma’ Joe Biden, l-isfidant tal-Partit Demokratiku għall-White House u li qed jidher f’pożizzjoni favorevoli, skont l-aħħar stħarriġ ta’ opinjoni fuq bażi nazzjonali.

Intant, Biden, fi tmiem il-ġimgħa, kompla bil-kampanja tiegħu f’Pennsylvania — Stat importanti ieħor li kapaċi jkun ‘deċiżiv’ fir-riżultat tal-elezzjoni tat-3 ta’ Novembru għall-Presidenza Amerikana.

S’issa intefgħu diġà mas-57 miljun vot fil-fażi bikrija tal-elezzjoni – u li hu rekord minħabba ċ-ċirkustanzi diffiċli dovuti għall-Covid-19.

Min-naħa tiegħu, Donald Trump qed ikompli jindirizza lir-rallies li qed ikunu pakkjati bin-nies minkejja l-ispinta ġdida ta’ infezzjonijiet bil-coronavirus. Il-pandemija qed taffettwa b’mod partikulari lir-reġjun tal-Midwest – fejn, f’Novembru, għandhom isiru numru ta’ elezzjonijiet kruċjali għall-Presidenza futura tal-Istati Uniti.

Meta tkellem f’Lumberton, f’North Carolina, Trump qal li l-pandemija fl-Istati Uniti ‘qed tkun eżaġerata minn kull aspett’ – waqt li Biden, għall-kuntrarju, qal, waqt rally li kien qed isir fi Bristol (Pennsylvania), li ‘l-Amerikani ma jridux iġorru responsabbiltà għall-firxa fatali tal-virus’.

Meta jum l-elezzjoni aktar, kulma jmur, qed javviċina, Joe Biden għandu vantaġġ ta’ madwar tmien punti perċentwali fuq Donald Trump, fuq livell nazzjonali. Madankollu, dan jista’ ma jiswa xejn ‘il quddiem, peress li t-tellieqa hi ħafna aktar missielta fl-Istati Amerikani meqjusin bħala l-aktar importanti għall-elezzjoni u li huma magħrufa bħala ‘swing states’.