Lokali

“Viżjoni b’determinazzjoni li flimkien nistgħu negħlbu l-ostakli” – Bernard Grech

“Aħna qegħdin hawn biex inservu l-interess tal-ġid komuni tal-poplu Malti u Għawdxi kollu, li naħdmu b’risq id-dinjità umana ta’ kull persuna, qegħdin hawn biex noħolqu politika li permezz tagħha nissaħħu flimkien.”

Hekk tenna l-Kap tal-PN Bernard Grech tul konferenza tal-aħbarjiet wara li preżenta r-replika tal-budget it-Tnejn filgħaxija fil-Parlament.

“Aħna lkoll flimkien nistgħu biss insalvaw lil dan il-pajjiż, il-politiku qed hemm biex jiddiskuti, biex jipproponi, però fl-aħħar mill-aħħar għal qasam tal-Covid huwa aħna li flimkien, min bil-ftit, min bil-ħafna nistgħu nifdu lil dan il-pajjiż.”

Fil-messaġġ tiegħu l-Kap tal-PN tenna li flimkien nistgħu nagħmlu politika għal issa fis-sitwazzjoni tal-Covid u għal futur. Huwa għalhekk li l-PN qed juża t-tema “NISSAĦĦU FLIMKIEN” hekk kif il-PN jemmen li tassew nistgħu negħlbu kull ostaklu li jinsab qudddiemna, u noħolqu ġejjien sigur għal għada.

“Aħna qed nuru li aħna Oppożizzjoni kreattiva, pro-attiva, li mhux nuru biss in-nuqqasijiet, imma kif urejna bil-viżjoni tagħna aħna nafu fejn irridu naslu.”

Tul il-konferenza tkellem ukoll Mario De Marco, il-Kelliem tal-Oppozizzjoni għall-Finanzi tenna li fid-dokument ta’ qabel il-budget il-PN ħejja pjan bi proposti biex bħala nazzjon nissieltu u negħlbu l-isfidi li hemm quddiemna. Fost l-oħrajn il-PN preżenta miżuri li permezz tagħhom jista’ jkollna ekonomija għan-nies u  negħlbu flimkien l-isfidi li qed toħloq il-Covid. Huwa qal li l-PN mhux biss qed iħares lejn l-issa… imma qed iħares ukoll lejn il-ġejjien…

F’kummenti oħra Claudio Grech, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ekonomija qal kif il-politika tal-PN qed tfittex li tħares il-ġid komuni tas-soċjetà Maltija… huwa qal li bħala pajjiż irridu nifhmu li l-ekonomija u s-saħħa tal-poplu għandhom jimxu id f’id, u appella lill-Gvern biex jifhem li b’hekk biss nistgħu noħorġu b’suċċess mill-impatt li qed tħalli l-imxija. Huwa għalaq billi elenka li l-PN se jibqa’ jkun it-tarka tal-poplu Malti Għawdex.