Coronavirus Lokali

“Huwa biss numru: il-51”

Kliem li jnissel verament ħafna niket, imma veritier u li jirrifletti s-stiwazzjoni preżenti perfettament.

Fr Christian Borg permezz ta’ post fuq facebook jitkellem dwar dak li għal ħafna Maltin u Għawdxin huwa biss il-vittma numru 51.

Borg jikteb dwar ir-raġel ta’ 82 sena li tilef ħajtu ftit tal-jiem ilu kawża tal-Covid-19. Wieħed mit-53 persuni li mietu s’issa f’pajjiżna b’dan il-virus.

Il-Kappillan jikteb hekk: “Iva kellu mard kroniku, xorta kien sa jmut. Kien ilu lest biex imut snin għaliex kien kuntent bil-ħajja sabiħa li għex u kien jemmen bis-sħiħ li din t’hawn mhix il-verżjoni definittiva tal-ħajja.
Imma ddaħħal l-isptar biex, jekk ma jistax jitfejjaq, tittaffielu xi ftit mit-tbatija u jmut b’dinjità. Minflok żdiedlu l-piż ta’ marda li laqqat minn hemm u t-tislima u radd il-ħajr għal ħajtu ma setgħux ikunu ċelebrazzjoni ta’ fidi u ta’ umanità għax inbidlu f’maratona kakofonika ta’ burokrazija.”

Borg jiddeskrivi x-xena tad-difna tar-raġel u jgħid kif il-libsa li tfakkar id-dinjità ta’ iben għażiż ta’ Alla nbidlet mal-kesħa tal-boroż tal-plastik. Jgħid li s-silenzju tal-qabar kien mgħasses mir-raġel liebes l-aħmar bil-karti f’idu donnu biex ifakkar li l-valur tal-bniedem – li għadda ħajtu jissogra biex jagħti faraġ lin-nies f’artijiet imbiegħda.

Il-post ikompli jgħid li wara li għal tant żmien ir-raġel naddaf sakemm felaħ il-kuriduri twal bi xkupa akbar minnu l-għabra tal-ġir fi mnifsejh ma kinitx se iddejqu wisq.

Borg jagħlaq hekk: “F’jum il-qawmien mill-mewt, raddejnieh b’fidi qawwija lill-art u fdajnieh f’idejn dak li għandu s-setgħa jiftaħ il-qabar issiġillat kif għamel f’Ġerusalemm żewġ millennji ilu. Strieħ fis-Sliem”.