Coronavirus Kummerċ Lokali

Il-Kamra tal-Kummerċ tipproponi ‘Black Friday’ estiż biex jitnaqqas l-iffullar

Il-Grupp ta’ Importaturi, Bejjiegħa u Distributuri fi ħdan il-Kamra tal-Kummerċ, Intrapriża u Industrija qed tipproponi li minflok Black Friday din is-sena jkun organizzat Black Weekend, bil-għan li l-bejgħ jinfirex u ma jinġabrux ħafna nies f’daqqa.

Dan fl-isfond tal-pandemija li ninsabu fiha.

Il-Grupp qed jissuġġerixxi li l-perjodu ta’ sale jinfirex fuq jumejn u b’ħinijiet itwal ta’ ftuħ, sabiex jitnaqqas ir-riskju li jinġabru folol ta’ nies fil-postijiet tal-bejgħ.

Is-suġġeriment hu li l-perjodu ta’ bejgħ bi skontijiet speċjali jkun fuq il-Ħamis 26 u l-Ġimgħa 27 ta’ Novembru. Il-Kamra tal-Kummerċ qed tinkuraġġixxi wkoll il-bejgħ online, billi l-offerti speċjali jkunu disponibbli wkoll fuq ħwienet diġitali, għall-benefiċċju u l-konvenjenza ta’ kulħadd.

Il-Grupp qal li dan is-suġġeriment intlaqa’ tajjeb ħafna minn operaturi fil-qasam, u jaqblu li hu fl-aqwa interess ta’ saħħa u ta’ ekonomija għal kulħadd.

Marcel K Mifsud, Chairperson tal-Grupp qal li Black Friday hu appuntament importanti fil-kalendarju tal-bejgħ, u fiċ-ċirkostanzi trid tittieħed kull prekawzjoni sabiex din l-okkażjoni tkun kemm waħda ta’ suċċess kummerċjali kif ukoll esperjenza sigura għal kulħadd.

Il-Kamra għaldarboħra ħeġġet lill bejjiegħa jibqgħu iżommu mar-regoli sabiex jassiguraw li Black Friday ikun ta’ stimolu għal kulħadd u mhux mezz ta’ tifrix ta’ mard.