Coronavirus Kummerċ Lokali

Il-provvista tal-ħalib lokali frisk fil-periklu għax il-bdiewa tħallew waħedhom fil-pandemija

Il-PN jappella għal kampanji promozzjonali biex jissaħħaħ il-konsum lokali

Il-provvista tal-ħalib Malti frisk tinsab fil-periklu hekk kif il-bdiewa u l-produtturi tal-ħalib qed jaffaċċjaw l-ispejjeż ta’ qabel il-COVID-19 iżda bil-bejgħ u l-konsum mit-turisti qed jonqos minħabba ż-żmien tal-COVID-19.

Il-Partit Nazzjonalista, permezz ta’ stqarrija ffirmata minn Edwin Vassallo, Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Tisħiħ tal-Agrikoltura u s-Sajd, Delizzji, Self Employed u l-Koperattivi u Peter Agius, Kelliem għall-PN, saħaq li bħala kwistjoni ta’ interess nazzjonali u għas-sigurtà tal-ikel, irridu nappoġġjaw l-industrija tal-ħalib lokali billi ngħinu u nsaħħu l-konsum lokali u ninvestu f’mekkaniżmi ta’ għajnuna għal din l-industrija sakemm is-suq jerġa’ jasal għal-livelli ta’ qabel il-pandemija.

Kuntrarju għal dak li qed jgħid il-Gvern Laburista, il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jistgħu jippromwovu l-konsum tal-prodotti u din hija ċċarata b’numru ta’ deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja li għandhom jiggwidaw lill-Gvern biex jidħlu fil-parametri tar-regoli Ewropej. Fil-każ tal-industrija tal-ħalib Maltija, filwaqt li jkun illegali li tippromwovi l-ħalib Malti bħala tali, m’hemm l-ebda projbizzjoni għal kampanji pubbliċi li jippromwovu l-kwalitajiet tal-prodotti tal-ħalib frisk mingħajr l-ebda konsiderazzjoni dwar l-oriġini nazzjonali tagħhom.

F’dan ir-rigward wieħed irid jirrimarka li l-ħalib frisk Malti fih livelli b’saħħithom ħafna ta’ omega-3 u calcium li huma ta’ benefiċċju kbir kemm għat-tfal kif ukoll għall-adulti. Jekk jiġu enfasizzati kif suppost dawn il-kwalitajiet ewlenin flimkien mas-sostenibbiltà tal-produzzjoni u tas-suq joffru vantaġġ kompetittiv naturali għall-prodotti Maltin tal-ħalib.

L-irziezet Maltin li jipproduċu l-ħalib għandhom rwol fundamentali fiż-żamma tal-kampanja tagħna peress li bejn wieħed u ieħor nofs l-art agrikola tintuża biex tipproduċi għalf għal aktar minn 6,000 baqra fl-irziezet tagħna. Allura, ttemm tgħid l-istqarrija, xeni tal-kampanja tagħna li jattiraw turisti u nies tal-post jiddependu parzjalment fuq l-appoġġ tagħna lill-produtturi tal-ħalib f’dawn iż-żminijiet tal-pandemija.