Coronavirus Lokali

Jingħalqu l-bars u l-każini; jonqos għal 6 n-numru massimu ta’ persuni fi grupp

Wara twissijiet mit-tobba, infermiera u esperti mediċi, li s-sistema tas-saħħa tinsab qrib kollass, il-Ministru tas-Saħħa ħabbar li minn nhar il-Ħamis li ġej il-bars u l-każini kollha għandhom jingħalqu.

Din il-miżura se tibqa’ tgħodd sal-1 ta’ Diċembru 2020 sal-ħin tas-6 am. 

Snack bars u l-gabbani jistgħu jibqgħu miftuħin, madanakollu ma jistgħux, ibigħu xorb alkoħoliku lill-klijenti, u għandhom jagħlqu bejn il-11pm u l-5am tal-għada filgħodu. 

Minn nhar il-Ħamis ukoll, l-ammont massimu ta’ persuni li jistgħu jinġemgħu fi grupp fi spażji pubbliċi se jonqos minn 10 persuni għal 6 persuni. Dan ifisser li fi spażji  pubbliċi,  gruppi  ta’  aktar  minn  6 persuni huma projbiti inklużi fi kjus u fuq bus stops, sakemm ma tinżammx id-distanza soċjali ta’ żewġ metri bejniethom.

Din il-miżura ma tapplikax għal persuni li jgħixu fl-istess residenza.

Il-multa għal min ma josservax din il-mizura ser tiżdied għal €200, iżda jekk il-penali tiġi mħallsa qabel ma jibdew il-proċeduri quddiem il-Kummissarju tal-Ġustizzja, il-multa titnaqqas għal €100. 

L-istqarrija tal-Ministru tgħid li dawn il-miżuri qed jidħlu fis-seħħ wara konsultazzjoni mas-Supretendent għas-Saħħa Pubblika sabiex tkun limitata iżjed l-imxija ta’ COVID-19.

Ikkummenta

Tags