Lokali Qorti

Sqalli mhux ħati fuq droga kannabis mhux għal użu personali

Sqalli ta’ 32 sena ġie lliberat bil-kundizzjoni li ma jikkommettix reat ieħor fi żmien sentejn wara li ma nstabx ħati li kellu ammont ta’ droga li ma kinitx għal użu personali tiegħu. Huwa nstab ħati biss ta’ pusses sempliċi.

Fabio Ignazzitto residenti San Pawl il-Baħar kien twaqqaf minn żewġ gwardjani tat-traffiku u fil-karozza nstabu tmien sigaretti b’diversi sustanzi fosthom dik ħadra konfermata droga kannabis.

Instabet ukoll droga f’borża li kienet tiżen 118.64 grammi u li għandha valur stmat fit-triq ta’ €2,254.  L-Ispettur Godwin Scerri qal li l-imputat twaqqaf mill-gwardjani tat-traffiku minħabba ksur tar-regolamenti tat-traffiku. Meta dawn waqqfuh issuspettaw li kien qed ipejjep joint.

Wara mar fuq il-post Surġent tal-Pulizija  Brandon Gauci li arrestah. Ignazzitto ittieħed l-Għassa u l-Ispettur Scerri ħa d-dikjarazzjoni tiegħu. Gauci spjega lill-Maġistrat Doreen Clarke li fil-11 ta’ Marzu 2019 kien fuq xogħol fl-Għassa tal-Qawra meta, għall-ħabta ta’ 12: 45pm.

Żewġ Gwardjani talbu għall-għajnuna peress li kienu għadhom kemm ivverifikaw vettura fi Triq Hallel f’San Pawl Baħar u ssuspettaw li kien hemm id-droga. Huwa mar fuq il-post u sab lill-imputat bilqiegħda fis-sit tas-sewwieq fil-karozza.

Fit-tfittxija li għamel fil-vettura sab diversi oġġetti li jikkonsistu fi flixkun b’ joint u borża li fiha sustanza suspettata ħaxix tal-kannabis. Meta sab dawn l-oġġetti l-imputat ġie arrestat u ttieħed l-Għassa tal-Pulizija.

Ftit wara li saret tfittxija fir-residenza tal-imputat, f’San Pawl il-Baħar, iżda ma nstab xejn suspettuż . Dan kien ikkonfermat mill-Gwardjani Malcolm Gilford u John Naudi, li waqqfu lill-imputat, li kien qed isuq Mazda Demio.

Dan twaqqaf minħabba li l-vettura kellha fanal ta’ quddiem imkisser. Meta ressqu lejn il-karozza, ix-xhud qalu li xammew ir-riħa tal-kannabis. Huma talbu lill-imputat, li kien qed jinsisti li m’għandux sustanzi illegali, biex joħroġ mill-karozza.

Huma ħarsu fil-karozza u meta raw is-sigaretti u xi sustanza ċemplu l-Għassa tal-Qawra. Matul dawn il-proċeduri l-espert, Gilbert Mercieca, ġie maħtur biex janalizza l-oġġetti u s-sustanza maqbuda mill-imputat.

Mid-depożizzjoni u r-rapport tiegħu jirriżulta li kien hemm tmien sigaretti parzjalment affumikati f’kontenitur tal-metall, u borża tal-plastik li fiha sustanza ħadra.

It-tmien sigaretti rriżultaw pożittivi kemm għat-tabakk, in-nikotina kif ukoll għad-Delta THC (kannabis); is-sustanza ħadra ġiet ikkonfermata bħala kannabis. Il-kannabis li nstabet fil-borża kienet tiżen 118.64 grammi u għandha valur stmat ta’ € 2,254.

F’din id-dikjarazzjoni l-imputat ammetta li s-sustanza ħadra li nstabet fil-karozza kienet kannabis, anke jekk huwa rrefera għaliha bħala marijuna u li xtratha l-ġurnata ta’ qabel l-arrest tiegħu, għall-użu personali tiegħu.

Huwa speċifika li xtara 130 gramma  għal €430 u li qabel l-arrest tiegħu kien diġà ħa żewġ jew tliet grammi mill-pakkett biex jagħmel joint. Fl-istqarrija tiegħu l-imputat indika wkoll minn fejn xtara din il-kannabis.

Xhud importanti f’dawn il-proċeduri kienet Giusi Bronchato, is-sieħba tal-imputat, li ġie msejjaħ biex jixhed mill-imputat. Spjegat li hi u l-imputat ilhom f’relazzjoni għal numru ta’ snin u għandhom tifel, b’tifel ieħor dalwaqt jitwieled.

Hija kkonfermat li l-imputat għandu problema ta’ droga u li jpejjep erba’ jew ħames joints kuljum. Qalet ukoll li hu kien jixtri d-drogi fi kwantitajiet kbar għax kien irħas li tixtriha b’dan il-mod.

Qalet ukoll li mill-jum tal-arrest tiegħu waqaf juża d-droga. Fil-kontro eżami qalet li l-imputat waqaf juża d-droga fuq inizjattiva tiegħu u mingħajr ma fittex għajnuna professjonali.

Stqarret ukoll li l-imputat qatt ma uża d-droga fil-preżenza ta’ partijiet terzi. Il-Qorti qalet li rriżulta li Fabio Ignazzitto qed jiġi akkużat kemm b’pussess sempliċi kif ukoll b’pussess aggravat ta’ kannabis, jiġifieri mhux għal użu personali tiegħu.

Mill-provi mressqa ma jistax ikun hemm dubju li l-imputat kellu fil-pussess tiegħu 118-il gramma kannabis u tmien joints parzjalment affumikati. Fir-realtà l-imputat ma jikkontestax dan il-fatt madankollu huwa jsostni li dawk id-drogi kienu għall-użu personali tiegħu stess.

F’din is-sentenza l-Qorti qalet li trid tkun sodisfatta li ċ-ċirkostanzi li fihom jinstabu d-drogi juru li ma kinux maħsuba għall-użu personali. Ma jista’ jkun hemm l-ebda regola iebsa dwar x’jistgħu jkunu dawn iċ-ċirkostanzi, peress li każ wieħed ivarja mill-ieħor.

Ċirkostanza waħda madankollu, inkluż l-ammont ta’ drogi misjuba, tista’ tkun biżżejjed biex turi li d-drogi ma kinux għall-użu personali sakemm il-Qorti tkun konvinta minn dan mingħajr dubju raġonevoli.

Mill-provi mressqa f’dan il-każ jidher li hemm ċirkustanza waħda biss li tista’ ittieħed bħala indikattiva ta’ pussess mhux għal użu personali: l-ammont ta’ drogi misjuba.

Mija u tmintax-il gramma mhumiex ammont insinifikanti ta’ kannabis. Ammont bħal dan jista’ f’ċerti każijiet jittieħed biex jindika pussess mhux għal użu personali, madankollu hemm fatturi oħra li għandhom jiġu kkunsidrati.

L-imputat jiddikjara li jagħmel użu regolari għall-kannabis. Il-joints parzjalment affumikati, miżmuma f’kontenitur tal-metall misjub fil-karozza tiegħu, jagħtu kredibilità għal din l-affermazzjoni peress li m’hemm l-ebda evidenza forensika jew evidenza oħra li tissuġġerixxi li dawk il-joints kienu ntużaw minn partijiet terzi.

Minbarra l-kannabis, li kienet miżmuma f’borża waħda, u l-joints parzjalment mitmuma, ma nstabu l-ebda oġġetti oħra normalment assoċjati mat-traffikar jew il-qsim tad-drogi, kemm jekk fil-vettura misjuqa mill-imputat kif ukoll fir-residenza tiegħu.

Fid-dawl ta’ dan u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe evidenza oħra, iċ-ċirkostanza unika tal-ammont ta’ drogi misjuba, f’dan il-każ, ma tikkonvinċix lill-Qorti li dawk id-drogi ma kinux esklussivament għall-użu personali tal-akkużat.

Wara li kkunsidrat aktar fir-rigward tal-piena, il-Qorti qieset in-natura tal-akkuża li l-imputat tiegħu qed jinstab ħati, il-kondotta nadifa tiegħu, u l-kooperazzjoni tiegħu mal-Pulizija. Il-Qorti qed tqis ukoll l-ammont ta’ drogi misjuba fil-pussess tal-akkużat.

Il-Qorti ordnat ukoll il-qerda tad-drogi u oġġetti oħra esibiti. Il-Qorti spjegat lill-imputat b’lingwaġġ ordinarju s-sinifikat ta’ din is-sentenza u tal-konsegwenzi jekk hu jikkommetti reat ieħor fil-perjodu ta’ sentejn. Għall-akkużat deheru l-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia.