Lokali Qorti

Probation għal żagħżugħ bi problema ta’ droga li kkaġuna feriti gravi fuq persuna

Żagħżugħ ta’ 19-il sena ingħata probation għal tliet snin bil-għan li jirriforma ruħu u dan wara li ammetta li kkaġuna ferita gravi fuq raġel. Kylie Borg, li għandu problema ta’ droga ammetta li fera lil Imran Khan fid-9 ta’ Ġunju tal-2019 quddiem il-Knisja ta’ Santa Liena f’Birkirkara.

Borg, residenti Birkirkara kien ammetta l-ħtija fis-seduta tat-30 ta’ Lulju tas-sena l-oħra bil-Qorti tistenna l-Pre-Sentencing Report qabel ma għaddiet għall-ġudizzji tagħha. Il-Qorti kkunsidrat in-natura serja tar-reati li għalihom huwa nstab ħati.

Kienet ikkunsidrata wkoll il-kondotta, l-ammissjoni bikrija u l-fatt li huwa kkopera mal-Pulizija. Fil-fatt l-Uffiċjal Prosekutur qal li ma kienx qed jinsisti li Borg jintbagħat il-ħabs.

Id-Difiża qablet ma’ dan ir-raġunament u semmiet ukoll il-fatt li mhux biss huwa ikkopera mal-Pulizija, iżda l-kondotta tiegħu hija waħda nadifa. Id-Difiża qalet li Ordni ta’ Probation hija l-aħjar waħda fiċ-ċirkostanzi biex jingħata l-għajnuna. L-Ispettur Roderick Spiteri qabel ma’ dan l-argument.

Il-Maġistrat Astrid May Grima fis-sentenza tagħha qalet li kienet qed tpoġġi lil Borg taħt sorveljanza ta’ Uffiċjal tal-Probation indikat lilu mid-Direttur tas-Servizzi tal-Probation u Parole.

Ingħad ukoll li skont it-termini tal-Artikolu 15A tal-Kapitolu 9 tal-Liġijiet ta’ Malta, bħala kumpens għal dak li sofra Imran Khan, vittma ta’ offiża gravi kkawżata minn Borg, tordna lill-imputat jikkunpensah fl-ammont ta’ €2,000.

Il-Qorti poġġiet ukoll lill-ħati taħt ordni ta’ trattament sabiex jingħata l-għajnuna psikoloġika neċċessarja, kif ukoll rigward id-dipendenza tiegħu fuq id-droga kannabis, u għajnuna oħra li jista’ jkollu bżonn.

Dan dejjem bir-rakkomandazzjoni mill-Uffiċjal tal-Probation, bl-intervent ta’ Professjonisti varji, liema ordni hija valida għall-perjodu ta’ tliet snin. Il-Qorti ordnat li kopja tas-sentenza għandha tintbagħat lid-Direttur tas-Servizzi ta’ Probation sabiex jassenja Uffiċjal tal-Probation li jkun responsabbli biex jissorvelja lil Borg.

Dan għandu jagħmel rapport bil-miktub dwar il-progress tiegħu kull sitt xhur. Il-Qorti rabtet ukoll lil Borg biex ma jimmolestax, ma jdejjaqx u ma jinġurjax lil Imran Khan. Kopja ta’ din is-sentenza intbagħtet ukoll lill-Kummissarju tal-Pulizija.