Coronavirus Lokali Saħħa

“Restrizzjonijiet immedjati jew kollass totali tas-sistema tas-saħħa” – L-Assoċjazzjoni tat-Tobba

L-Assoċjazzjoni tat-Tobba fi stqarrija li ħarġet ftit tal-minuti ilu talbet għal restrizzjonijiet urġenti jekk irid ikun evitat kollass totali tas-sistema tas-Saħħa ta’ pajjiżna.

It-tobba saħqu li wasal iż-żmien li l-Gvern jiffaċċja r-realtà u jieħu deċiżjonijiet ibbażata fuq il-pariri tal-esperti mediċi.

Il-MAM qalet li f’sebat ijiem, il-medja ta’ każi ġodda telgħet għal 125 kuljum, u lbieraħ kienu rrappurtati żewġt imwiet. Fit-Taqsima tal-Kura Intensiva hemm 16-il pażjent u aktar minn 80 persuna jinsabu għall-kura fl-isptarijiiet. L-Assoċjazzjoni kompliet li b’dawn in-numri ta’ każi ġodda ta’ kuljum, hu  mistenni li n-numrui ta’ każi ta’ persuni fl-isptarijiet u fil-kura intensiva jibqa’ jikber u mistenni wkoll li jkun hemm bejn 3 u 5 persuni ġodda kuljum fl-ITU.

Barra minn hekk, kompliet tgħid il-MAM, hemm stennija għall-iswabbing urġenti ta’ minn tal-anqas ġurnata, u kważi ġimgħa għal pazjenti oħrajn. It-taqsima tal-Contact Tracing mhux tlaħħaq man-numru ta’ każi u tilfet l-effiċċjenza tagħha.

Ix-xeni li rajna f’Paceville is-Sibt filgħaxija juri li għandna problema fejn għadd ta’ persuni mhumiex iżommu mar-regoli għax qed jassumu li l-Gvern mhux se jinfurzahom.

It-tobba qalu li l-Ministru Camilleri għandu għalxiex jirrabja, għaliex dan hu r-riżultat ta’ sitt xhur ta’ messaġġi kunflinġenti u infurzar taparsi. L-aġir tal-Prim Ministru mal-ġurnalisti ftit tal-jiem ilu ma setax ikun ta’ ezempju agħar lill-kumplament tal-poplu.

Is-sit tal-aħbarijiet Tal;an ANSA jirrapporta l-istqarrija tat-tobba Maltin

L-Assoċċjazzjoni esprimiet ukoll id-dizappunt tagħha għall-budget li f’dokument ta’ 20,000 kelma semma l-kelma Covid biss seba’ darbiet u l-kelma reċessjoni ma ssemmietx lanqas darba waħda. Xhieda li l-Gvern huwa illuż u mhux jifhem il-perikli kbar għaċ-ċittadin. Il-MAM qalet li le dan mhuwiex zmien ta’ business as usual, hekk kif kemm is-saħħa kif ukoll l-ekonomija jinsabu taħt it-theddida tal-Covid. Saħqet li l-ġenituri u n-nanniet tagħna m’għandhomx imutu minħabba l-falliment tal-Gvern.

It-tobba qalu li s-sitwazzjoni fis-servizzi tas-saħħa daqt se tilħaq punt kritiku u jeħtieġ li jiddaħħlu aktar miżuri ristrettivi mill-aktar fis possibbli.

Mexxejja ta’ pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea huma konxji mir-realtà u ħadu r-responsabbiltajiet tagħhom b’serjetà billi segwew il-pariri tal-esperti mediċi biex daħħlu curfews u lockdowns parzjali. L-Assoċjazzjoni tenniet li l-Gvern m’għandux għażla oħra għajr li jaġixxi b’mod immedjat u deċiżiv jew inkella s-sitwazzjoni se tispiċċa għal kollox bla kontroll.