Skont il-Ministru tal-Edukazzjoni Owen Bonnici, matul din is-sena sar ħafna xogħol fis-settur li jmexxi u hekk se jibqa’ jsir matul is-sena d-dieħla. Hekk wieġeb għall-kritika tal-Unions tal-Għalliema – l-MUT u l-UPE – li qalu li fil-Budget 2021 sar ftit jew xejn investiment f’dan is-settur tant importanti.
Iżda għall-Ministru Owen Bonnici, l-2020 se tibqa’ mmarkata bħala s-sena li matulha ħela Sajf sħiħ billi ma għamel xejn biex is-sistema edukattiva tadatta ruħha għall-isfidi li ġabet magħha l-pandemija tal-Coronavirus.
Fil-fatt, u minkejja li issa għaddew għadd ta’ ġimgħat mill-ftuħ tal-Iskejjel, il-Ministru tal-Edukazzjoni ma kienx kapaċi jispjega xi protokolli għandhom jintużaw f’każ li tifel jew tifla jirriżulta pożittiv għall-virus.
Minflok, hu tefa’ r-responsabbiltà fuq Uffiċjali impjegati f’kull Skola li, skont hu, hu dmirhom jispjegaw x’għandu jsir minn dawk milquta.
Sadanittant, il-Ministru Bonnici ħarab ukoll milli jagħti aġġornament ta’ kemm irriżultaw każi s’issa ta’ Coronavirus fl-Iskejjel kollha. Anke hawn, ħarab mir-responsabbiltà tiegħu u din id-darba, tefa’ kollox f’ħoġor is-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika.
Hu qal biss li jinsab kburi li l-każi mhux jirriżulta li oriġinaw mill-Iskejjel. Għalkemm mhux ċar kif jista’ jserraħ rasu b’dan meta wieħed jista’ jkun selettiv x’informazzjoni jagħti matul il-proċess tal-contact tracing.
Owen Bonnici kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet ta’ NET News fi tmiem konferenza tal-aħbarijiet li matulha, suppost, kellu jispjega kif is-settur Edukattiv se jgawdi mill-Budget 2021.
Madankollu, ma kellux għażla oħra ħlief li jirrepeti l-proposti riċiklati mħabbra t-Tnejn li għadda mill-Ministru tal-Finanzi u li issa ilhom jiġu repetuti għadd ta’ snin.
//= $special ?>