Futbol Sport

Sliema jirritornaw għar-rebħ

(Ritratt: MFA)

Jordi Farrguia

Birkirkara………1

Sliema W………2

Birkirkara: A. Guarnone, P. Mbong (K. Zammit 73’), R. Briffa, Y. Yankam, R. Mbu, F. Falcone, F. Verde, C. Attard, C. Bonanni, A.  Da Paixao (L. Montebello 65’), I. Ntow

Sliema: J. Galea, K. Shaw, J. Cisotti, D. Holla (E. Agius 19’), G. Aquilina, R. Kakinuma, O. Linton, J.P. Farrugia, M. Beerman, D. Vukovic, D. Comvalius (Denilson 80’).

Referee: M. De Gabriele

Assistant Referees: J. Spiteri, D. Stankovic

Sliema Wanderers irritornaw għar-rebħ meta f’partita li kellha tkeċċija kull naħa għelbu lil Birkirkara 2-1. Sliema fetħu tajjeb u wara tmien minuti freekick perikoluż ta’ Comvalius ħabat mal-mimduda bid-difiża ta’ Birkirkara teħles il-periklu. Sliema spiċċaw jilgħabu bi plejer inqas wara li fi tlettax –il minuta tkeċċa Riki Kakinuma għal daħla kerha fuq Paul Mbong.

Minkejja li kienu bi plejer anqas Sliema xorta waħda baqgħu aktar perikolużi mill-avversarji fl-attakki tagħhom u cross minn fuq il-lemin ta’ Comvalius sab lil Cisotti waħda fil-kaxxa li ra d-daqqa ta’ ras tiegħu tkun salvata b’mod tajjeb minn Guarnone. Fit-33 minuta l-corner ta’ Da Paixao ħasad lil Galea li tajjar il-ballun kis seta’. Birkirkara wkoll spiċċaw bi plejer anqas meta fil-35 minuta d-difensur ċentrali Francesco Verde ntwera’ t-tieni karta safra wara fawl fuq Vukovic. Birkirkara kienu perikolużi fl-40 minuta meta wara azzjoni maħduma tajjeb l-konklużjoni ta’ Attard għaddiet ftit għoli.

Minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima Comvalius kien għal darb’oħra perikoluż iża reġa sab lil Guarnone li ċaħdu minn gowl ċert. Birkirkara fetħu l-iskor fil-ħin adizzjonali tal-ewwel taqsima meta x-xutt ta’ FEDERICO FALCONE kien salvat minn Galea bil-ballun jaħbat ma’ Shaw u jidħol fix-xibka. Birkirkara ħarġu fuq l-offensiva fit-tieni taqsima u wara żewġ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima d-daqqa ta’ ras ta’ Falcone għaddiet ftit barra. Sliema rrispondew u minn corner ta’ Cisotti, Farrugia kien żmarkat waħdu fil-kaxxa iżda bid-daqqa ta’ ras tiegħu naqas milli jimpenja lil Guarnone.

Sliema ġabu d-draw fil-58 minuta meta minn cross preċiż minn fuq il-lemin ta’ Vukovic, kien SYLVANO COMVALIUS li bir-ras tefa’ fir-rokna tax-xibka. Fil-71 minuta Sliema perkiolużi meta minn pass fit-tul ta’ Comvalius, Farrugia niżżel tajjeb b’sidru iżda l-konklużjoni tiegħu kienet ċentrali. Fil-75 minuta Birkirkara kellhom gowl imħassar meta l-cross fil-baxx ta’ Yankam sab lil Montebello li mill-viċin xeħet ġewwa bl-assistent referee jgħolli l-bandiera għall-offside. Fis-77 minuta xutt mid-distanza ta’ Agius kien imdawwar f’corner minn Guarnone. Sliema marru fil-vantaġġ ħdax –il minuta mit-tmiem meta minn freekick ta’ Beerman kien JEAN PAUL FARRUGIA li għola waħdu bir-ras u kkonkluda għal ġewwa.

Sliema setgħu aċċertaw mit-tliet punti meta fit-83 minuta minn pożizzjoni komda ra lil Guarnone jsalva b’mod tajjeb. Fit-88 minuta Birkirkara setgħu ġabu d-draw meta minn pass fit-tul tas-sostitut Zammit sab lil Falcone li qassam fil-baxx lejn Montebello li mill-viċin naqas milli jitfa’ fix-xibka.