Lokali Parlament

Viżjoni biex nissaħħu flimkien

Fl-ewwel diskors tiegħu bħala Kap tal-Oppożizzjoni bi tweġiba għall-budget tal-gvern, il-Kap tal-PN Bernard Grech ippreżenta viżjoni proposti ġodda f’diversi setturi soċjali, ekonomiċi u politiċi bl-iskop li l-pajjiż u l-poplu Malti jissaħħu flimkien.

Bernard Grech qal li hu privileġġ kbir għalija li jitkellem mill-bankijiet tal-Oppożizzjoni biex f’isem id-deputati tal-PN u f’isem il-maġġoranza silenzjuża tal-poplu Malti, jersaq ‘il quddiem biex b’umiltà jitkellem dwar il-perspettiva tal-PN għal dan il-budget li qed isir fi żmien ta’ sfidi kbar, uħud li ġew il-pajjiż u oħrajn li ġabhom dan il-Gvern.

Din is-sena l-Gvern qal li dan hu “l-aqwa budget fl-istorja ta’ Malta” u mela l-Belt bi stickers u tabelli u mela Malta bil-billboards.

Lanqas laħaq spiċċa jitkellem il-Ministru tal-Finanzi, li ma bdewx ħerġin sensiela ta’ aħbarijiet li jpoġġu dawn id-dikjarazzjonijiet tal-Prim Ministru fil-kuntest reali tagħhom.

Bernard Grech qal li malajr tibda tifhem kif lil hinn mis-slogans sbieħ, il-pompa, l-koreografija, hemm realtà li teħtieġ attenzjoni u fuq kollox kompetenza fit-tmexxija.

Aħna qegħdin hawn biex inservu l-interess tal-ġid komuni tal-poplu Malti u Għawdxi u li naħdmu b’risq id-dinjità umana ta’ kull persuna. Qegħdin hawn biex nipproponu politika li permezz tagħha rridu nissaħħu flimkien, sostna Bernard Grech.

Hu qal li hemm kif beda din il-mixja iltaqa’ u tkellimt ma’ ħafna kategoriji – żgħażagħ, familji, anzjani, nanniet, neputijiet, ħaddiema, professjonisti, nisa, persuni li huma bla xogħol u nies fin-negozju.

Smajt dak li tixtiequ għal pajjiżna. Ħassejt li l-imħabba li għandna għal pajjiżna tnissel fina ix-xewqa li naraw lil pajjiżna b’saħħtu, inbiddlu fejn meħtieġ, neradikaw dak li ma jaħdimx, intejbu dak li jaħdem imma fuq kollox ikollna viżjoni politika ġdida, għal Malta aħjar.

Biex nimxu ‘l quddiem u ndawwru r-rotta għal pajjiżna irridu li bħala poplunissaħħu flimkien; għax inkunu b’saħħitna f’mument fejn id-dinja qed tiffaċċja kriżi fis-saħħa. Nissaħħu għax nitnaddfu mill-ħmieġ li seħħ madwarna fl-aħħar snin, sostna Bernard Grech.

Nissaħħu għax noħolqu setturi ekonomiċi ġodda u mhux niddependu biss fuq skemi li waqqgħulna isem pajjiżna. Nissaħħu għax inħaddmu politika fejn ħadd ma jibqa’ lura, fejn niġġeneraw il-ġid u nqassmuh b’mod ġust bejn kulħadd. Nissaħħu għax ngħożżu l-ġid ta’ kull wieħed u waħda minnha u nżommu l-persuna fiċ-ċentru tal-politika. Nissaħħu għax nirrispettaw l-ambjent u naraw fih mutur ekonomiku, filwaqt li nsibu bilanċ ġust bejn l-ambjent u l-progress.

Flimkiengħax fl-għaqda hemm is-saħħa, għax nistgħu nistrieħu fuq il-ħiliet ta’ xulxin biex naslu, għax niddjalogaw ma’ xulxin’ għax l-ebda Gvern m’għandu bakketta maġika li jista’ jasasl waħdu, għax aħna membri ta’ familja waħda Ewropea, għax kull meta ngħaqadna bħala poplu; rnexxejna.

Biex nirnexxu rridu rieda u ftehim fuq firxa ta’ ħafna snin li jinvolvu amministrazzjonijiet differenti u nadottaw ħsieb li jwessgħalna l-orizzonti.

Il-gvern ma rrikonixxiex lill-frontliners fil-Covid

Hu inkredibbli kif dan il-budget mhux biss ma rrikonoxxiex l-isforzi li għamlu dawk li kienu fuq quddiemnett biex għelibna dawn l-isfidi, iżda talli l-Gvern nesihom kompletament. Il-Gvern għadu lanqas daħħal fil-liġi Maltija d-direttiva Ewropea 2020/739 maħruġa fit-3 ta’ Ġunju li għadda li tinkludi l-Covid bħala Grad 3, li hu l-ogħla riskju ta’ marda li tittieħed minn fuq il-post tax-xogħol u allura tagħti ċertu benefiċċji lill-ħaddiema esposti għaliha.

Bernard Grech qal: Dak li m’għamilx il-Prim Ministru, li jitlob apoloġija, se nagħmlu jien, f’isem l-Oppożizzjoni Nazzjonalista u f’isem il-poplu Malti u Għawdxi: nitolbukom taħfrulna jekk bħala pajjiż m’għamilniex dak kollu possibbli biex il-maħbubin tagħkom ma jaqgħux vittmi tal-pandemija u nwegħdukom li se nagħmlu dak kollu possibbli biex inwasslu lill-Gvern biex jifhem li kull ħajja fiha valur.

Il-Prim Ministru ħa r-riedni f’idejh u tefgħana l-baħar. Sitwazzjoni li l-Gvern ġabha b’idejh meta fetaħ il-bibien mingħajr il-kontrolli neċessarji.

Fl-aħħar jiem, jien waqqaft tim ta’ azzjoni dwar il-Covid, li jisma’ lill-esperti, jagħti widen għall-pariri tagħhom u jaġixxi b’politika li tpoġġi s-saħħa pubblika l-ewwel u mhux l-interess partiġġjani qabel.

Hu appella lill-Prim Ministru biex ma jibqax tinjora l-pariri kollha tal-uffiċjali tas-saħħa pubblika, jitwaqqaf Kumitat ta’ Sorveljanza Nazzjonali, jagħti direzzjoni u jdaħħal inċentivi biex kull persuna fis-settur pubbliku li jista’ jaħdem permezz ta’ remote working, isaħħaħ l-infurzar aktar u jdaħħal reġim sħiħ ta’ testing għal kull min jiġi Malta minn barra.

Għandha tingħata imbutattura kbira lejn sistema aħjar ta’ Trace, Test, Isolate billi ninċentivaw postijiet bħal skejjel, Kunsilli Lokali u postijiet tax-xogħol biex jagħmlu rapid testing fuq skala kbira u jiżdied voucher supplementari li jkun speċifikament assenjat għax-xiri ta’ maskri u sanitiser

Budget tar-realtà virtwali

Bernard Grech qal li l-Gvern qed ibassar li din is sena ser nagħmlu defiċit ta’ €1.2 biljun u s-sena d-dieħla ser nagħmlu defiċit ta’ €750 miljun ieħor. Dan dan huwa l-akbar deficit fl-istorja ta’ pajjiżna. Kemm hi reali l-istima tal-Gvern li nagħlqu s-sena b’defiċit ta’ €1.2 biljun u m’hux aktar, meta sa Awwissu ta’ din is-sena d-defiċit reġistrat kien diġa laħaq il-€1.1 miljun ?

Kemm hi reali l-istima tal-Gvern li s-sena dieħla se jagħmel defiċit ta’ €750 milju , u m’hux aktar, meta fl-estimi tad-dhul tiegħu, qed ibassar li fis-sena 2021 se jkollu aktar dħul rikorrenti milli kellu fis-sena 2019 li kienet sena ta’ tkabbir ekonomiku €5,2 biljun kontra €4.9 biljun?

Jista’ jispjega l-Ministru tal-Finanzi kif qed ibassar li s-sena d-dieħla se jkun hawn aktar dħul mill-VAT, u allura aktar konsum, milli kien hemm fis-sena 2019 €994 miljun kontra €944 miljun?

Jista’ l-Ministru tal-Finanzi jispjega kif qed ibassar li s-sena d-dieħla se jdaħħal aktar flus mill-income tax milli daħħal fis-sena 2019 ; €1,79 biljun kontra €1,76 biljun?

Jista’ l-Ministru tal-Finanzi jispjega wkoll kif qed ibassar li s-sena d-dieħla se idaħħal aktar flus mill-Fees of Office milli daħħal fis-sena 2019 €122 miljun kontra €95 miljun?

Jekk id-dħul is-sena d-dieħla mill-VAT, mill-Income Tax, mill-Fees of Office se jkun aktar baxx mis-sena 2019, allura d-defiċit is-sena d-dieħla se jkun ferm ogħla minn €800 miljun.

Fi żmien fejn it-turiżmu huwa 90% anqas mis-sena l-oħra, fejn il-qagħad irdoppja u fejn il-konsum naqas drastikament, jista’ l-Ministru tal-Finanzi jgħidilna minn fejn se jiġu dawn it-taxxi? Ma’ nagħmlux mod li ser issir xi kruċjata fuq l-imprendituri biex dak li ġie differit is-sena l-oħra jinġabar din is-sena meta dawn qiegħdin agħar mis-sena l-oħra? Ma’ nagħmlux mod li dawn l-istimi huma stimi fittizji intiżi biss biex jgħattu x-xemx bl-għarbiel, sostna l-Kap tal-PN. Il-veru każ ta’ budget tal-virtual reality.

Wieħed leġittimament isaqsi fejn mar dan id-defiċit kollu; il-vot għall-Pandemic Assistance Scheme hu ta’ €120 miljun, daqs kemm nagħtu kull sena lil Steward Health Care u ta’ €50 miljun għall-vouchers.

Ir-realtà hi li l-Gvern idejh marbuta bil-kuntratti li għamel ma’ Steward u mal-Electrogas, il-mijiet ta’ bażżużli fil-positions of trust u commitments oħra ta’ ħela u korruzjoni li kkontribwew għall-isplużjoni fl-ispiża rikorrenti li minn €2.8 biljun fis-sena 2012 telgħet għal €4.4 biljun fis-sena 2019, €4.7 biljun fis-sena 2020 u €4.9 biljun l-istima għas-sena d-dieħla.

L-ekonomija Maltija bdiet turi sinjali ċari ta’ tnaqqis qabel ma bdiet il-pandemija. Filwaqt li t-tkabbir ekonomiku reali medju bejn l-2013 u l-2018 kien ta’ madwar 7%, fl-2019, sena li bl-ebda mod ma kienet effettwata mill-COVID, ir-rata ta’ tkabbir reali kienet irrappurtata li niżlet għal 4.7%.

Fl-ewwel tlett xhur tal-2020 ir-rata ta’ tkabbir naqset ghal 1.4% f’termini reali u dan qabel ma’ Malta rreġistrat l-ewwel kazi ta Covid fil-bidu tat-tieni gimgha ta’ Marzu.

L-ekonomija ta’ dan il-Gvern inbniet fuq mudell ta’ steroids ekonomiċi ewlenin fosthom l-skema ta’ bejgħ tal-passaport, volumi tat-turiżmu bi kwalità dejjem tonqos, importazzjoni qawwija ta’ ħaddiema, l-iżvilupp bla rażan u l-konsum sfrenat.

Is-surplus tal-Gvern bejn l-2016 u l-2019 kien l-aktar dovut għall-iskema IIP. Fl-2017 biss, meta s-surplus qabeż it-3% tal-GDP, inbiegħu l-akbar numru ta’ passaporti. Wara l-2017 ir-rata tas-surplus bdiet nieżla u fl-2019 ġie rappurtat surplus ta’ 0.5% tal-GDP.

Is-suq tax-xogħol s’issa kien kapaċi jirreżisti l-kriżi minħabba s-sussidji li ħareġ il-Gvern lill-industrija. Skont il-Labour Force Survey, fl-ewwel nofs ta’ din is-sena 2020 madwar 12,000 persuna kienu qed ifittxu x-xogħol. Din hija żieda meta mqabbla mal-2019 meta f’sena sħiħa kien hemm 8,900 ifittxu x-xogħol u fl-2018 meta kien hemm 9,100 persuna.

In-numru ta’ ħaddiema barranin kien laħaq uffiċjalment madwar 70,000 persuna jew 20% tas-suq tax-xogħol Malti fl-2019. Iż-żieda sinifikanti ta’ barranin jaħdmu f’Malta ikkontribwiet sew għar-rata ta’ tkabbir, speċjalment minħabba l-kirjiet u attivitajiet oħra ta’ konsum ġenerali, bħal ristoranti, supermarkets, bejjiegħa bl-imnut, vetturi u oħrajn.

Bernard Brech kompla li l-COVID u tħassib relatat kellhom l-effett li numru ta’ ħaddiema barranin u l-familji tagħhom iddeċidew li jitilqu mill-gżira. Dan se jkollu konsegwenzi fuq l-ekonomija Maltija, mhux biss fis suq tal-propjeta fejn imma wisq aktar se jkollu effett fuq il-konsum ġenerali.

Kellna tnaqqis ta’ 75% fil-wasliet tat-turisti meta mqabbel mal-2019, b’impatt serju fuq l-attività kollha relatata mat-turiżmu.

In-nefqa tat-turisti kienet 22% inqas ta’ dak minfuq fl-2019; nofs biljun ewro kontra €2.2 biljun u dan ipoġġi f’periklu mall-14,000 impieg f’lukandi u ristoranti.

Gvern li kisser ir-reputazzjoni tal-pajjiż

Il-Kap tal-PN sellem lil Mario Grech li tħabbar li se jsir Kardinal; dan hu unur kbir għal Malta u Għawdex. Hu sellem lil Clare Gerada, li h l-ewwel Maltija li ngħatat l-onorefiċenza ta’ Dama mir-Reġina Eliżabetta b’rikonoxximent għall-ħidma tagħha fil-qasam mediku tul karriera ta’ 40 sena.

Insellem lil Roberta Metsola li fl-aħħar jiem ġiet nominata mill-Partit Popolari Ewropew biex isservi fil-kariga prestiġġjuża ta’ Viċi President tal-Parlament Ewropew. Nifraħ ukoll lid-deputat Laburista Miriam Dalli għax-xogħol li wettqet fil-Parlament Ewropew fil-kariga ta’ Viċi-President tal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi u issa nawguralha għax-xogħol tagħha hawn Malta.

Dan hu l-mod kif irridu li jissemma isem pajjiżna. Għar-raġunijiet it-tajbin. Għax pajjiżna dejjem ipproduċa nies li għamlu isem għalihom u għal pajjiżhom kull fejn ħadmu.

Dan il-Gvern fl-2013 sab reputazzjoni ta’ pajjiż u ta’ Prim Ministri fost l-ogħla fl-Ewropa u fid-dinja. Dan Gvern li issa ilu jiggverna seba’ snin u hu biss huwa responsabbli jekk pajjiżna bħalissa jinsab fl-istat ta’ reputazzjoni ħażina li qiegħed fiha.

Il-PN lest jgħin lill-gvern dwar il-Moneyval

Ħadd ma jixtieq li r-rapport tal- Moneyval ikun negattiv u aħna mhux biss nittamaw iżda nerġgħu nestendu l-id tal-koperazzjoni biex nassiguraw li r-riżultat ikun pożittiv. Sal-2013 il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern ħoloq erba’ setturi ekonomiċi ġodda. Il-banek għandhom diffikultà biex jistabilixxu relazzjoni ma’ banek oħra għall-pagamenti fid-dollaru Amerikan.

Bernard Grech qal li l-Oppożizzjoni ressqet mozzjoni titlob għall-verità permezz ta’ inkjesta pubblika dwar il-kuntratt tal-power station tal-Electrogas iżda l-Gvern irrifjutaha. Ma jridux il-verità, aħseb u ara kemm iridu li jsewwu deals maħmuġin li bihom il-poplu tagħna qed iħallas mal-€91 miljun iktar fl-enerġija.

Il-konċessjoni tat-tlett sptarijiet hi kawża oħra li qed nagħmlu aħna għax il-Gvern għażel li ma jkunx fuq in-naħa li jiddefendi l-interessi ta’ Malta u tal-Maltin. Hawn insellem lill-kollega u predeċessur tiegħi Adrian Delia għall-ħidma bla waqfien biex dan iseħħ.

Tlett sptarijiet li ngħataw lil kumpanijia bla ebda esperjenza, deal li minnu tal-Vitals saru miljunarji minn flus il-poplu filwaqt li l-poplu ma ħa xejn lura minn dan il-kuntratt. Anke numru ta’ ħaddiema tal-istess kumpanija Vitals qegħdin ta’ kuljum jinsterqu fil-pagi tagħhom billi jitħallsu inqas tal-istess xogħol li jwettqu sħabhom fl-istess settur.

L-iskema il-bejgħ tal-passaporti laqtet ħażin ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Anke hawn toħroġ l-inkompetenza tal-Gvern, li bena mudell ekonomiku madwar din l-iskema u issa qed jiffaċċja azzjoni legali mill-Kummissjoni Ewropea wara li kellu diversi twissijiet.

Is-Sunday Times rrapportat storja li l-aġent tal-windfarm fil-Montenegro kienet kumpanija li kienet imħallsa minn 17 Black; insellem lill-ġurnalisti u lill-media li qed ikomplu jikxfu din ix-xibka ta’ korruzzjoni.

Il-bniedem li mar jippreżenta l-proġett lill-Enemalta kien Ċiniż li, kumbinazzjoni, ukoll qabbad lil Nexia BT jiftħulu kumpaniji sigrieti fil-Panama fi żmien li fetħu l-kumpaniji ta’ Keith Schembri, Konrad Mizzi u Egrant. Prim Ministru għandek dover li tara li ssir investigazzjoni kif jixraq fuq dal-ħmieġ li sar meta int kont tattendi l-kabinett u tara li min jaħti jħallas għal għemilu.

Minn qalbi, nagħmel appell lill-Gvern: tagħmlux aktar ħsara lil isem pajjżna minħabba r-rebgħa, minħabba li għadkom mhux kapaċi tagħmlu ġustizzja u tfittxu l-verità sħiħa fuq il-korruzzjoni, fuq il-ħasil tal-flus, fuq il-kriminalità. Il-poplu Malti jixraqlu ferm u ferm aħjar, sostna l-Kap tal-PN.

Dan Gvern inkompetenti.Inkompetenza li qed jikkonfermaha wkoll il-Prim Ministru li jidher li se jħabbar reshuffle, 10 xhur biss wara li kien għamel reshuffle oħra; biex jagħmel reshuffle, kellu jġib in-nies minn barra.

Għawdex minsi totalment mill-Gvern

Bernard Grech qal li Għawdex li huwa minsi f’dan il-budget. Il-Gvern naqas li jindirizza l-problema tan-numru dejjem jiżdied tal-Għawdxin li jaħdmu f’Malta. Fl-2012 kien hemm 1,500 Għawdxi u Għawdxija jaħdmu f’Malta; illum hemm 3.500.

Dan fi żmien gvern li fl-2013 kien wiegħed xogħol għall-Għawdxin kollha f’Għawdex stess. Il-budget jinjora għal kollox il-problema kbira ta’ żgħażagħ Għawdxin li jitilqu lejn Malta u li ma jistgħux ilaħħqu mal-kirjiet f’Malta. Teżisti żieda allarmanti fir-rata tal-kriminalità f’Għawdex.

Rajna vot miżeru ta’ €1 miljun għall-kunċett ta’ eco Għawdex. Gvern li mhu qed jagħmel xejn biex tonqos il-gap bejn il-paga medja f’Malta u dik f’Għawdex. Illum il-paga medja f’Malta hija kważi €3,500 ewro fis-sena iżjed mill-paga medja f’Għawdex. Familja f’Għawdex f’sena taqla’ €5,500 inqas minn familja f’Malta.

Għalkemm il-Gvern ilu jwiegħed il-fast ferry, minħabba nuqqas ta’ trasparenza u t-taħwid fil-ħruġ tal-offerta għal dan is-servizz, l-Għawdxin għadhom jiġu mċaħħda minn dan is-servizz tant importanti għalihom. Dwar ir-raba’ vapur għall-Gozo Channel, il-Budget jitkellem fuq servizz ta’ kwalità meta sa llum lanqas l-inqas standards ta’ aċċessibilità ma ġew rispettati meta ġie ntrodott ir-raba’ vapur.

Edukazzjoni, kultura u s-settur tal-kreattività

Bernard Grech qal li dan hu budget bla viżjoni fl-edukazzjoni. Gvern li għamel ħerba mill-preparamenti għall-ftuħ tal-iskejjel f’nofs din il-pandemija. Din il-pandemija kixfet in-nuqqas ta’ tħejjija matul is-sajf għat-tagħlim online b’nuqqas ta’ għodod għat-tagħlim online u taħriġ. Il-Gvern għadu mhux f’pożizzjoni li joffri tagħlim online ta’ kwalità f’każ li jkollna nagħlqu l-iskejjel minħabba l-pandemija.

Pajjiżna għandu fost l-ogħla rati fl-Ewropa ta’ studenti li jitilqu mill-iskola kmieni. Gvern bla pjan fejn jidħol bini ta’ skejjel ġodda u biex jillapazza din il-ġimgħa poġġa l-ewwel ġebla ta’ skola li ilha mwiegħda ħames snin u ftit jiem ilu fetaħ skola li suppost fetħet sentejn ilu.

L-istess fis-settur tal-kultura. Gvern li ftaħar li se jintroduċi taxxa fissa ta’ 15% meta l-awturi u l-pubblikaturi ressqu abbozz ta’ proposta li tipproponi t-tneħħija tat-taxxa għall-awturi u rebate fuq it-taxxa għall-pubblikaturi. Dan Gvern li ma jagħtix kas, u ma jifhimx l-importanza ta’ dan is-settur. Gvern li nesa totalment is-settur tal-kreattività, mużika, teatru, performers u produtturi, l-ebda miżura mħabbra iżda biss kliem fieragħ.

Bernard Grech qal li l-gvern nesa wkoll lill-bdoti tal-Airmalta

L-ekonomija l-ħadra prijorità

Bernard Grech qal li kien hemm ħafna ftaħir dwar il-green economy, però anke hawn tispikka l-inkompetenza, minkejja li għandna opportunità nfasslu futur bi tkabbir ekonomiku li ma jkomplix jeqred l-ambjent u jħammeġ l-arja tagħna.

Eżempju wieħed hi l-proposta għat-tariffa ta’ matul il-lejl biex tiċċarġja l-karozza elettrika. Mela reġgħu ġeddew skema fejn qed iħajruk tapplika għaliha – jekk tiċċarġja l-karozza elettrika bejn nofs-il-lejl u s-6 ta’ filgħodu, l-Enemalta tiċċarġjak 13ċ għal kull unit ta’ dawl – meta l-irħas unit li bih tiċċarġja l-Enemalta huwa ta’ 11c.5.

Malta ma tiflaħx iġġorr il-probelma tal-immigrazzjoni weħidha

Il-pożizzjoni tal-PN dwar l-immigrazzjoni hi ċara; pajjiżna ma jiflaħx u ma jistgħax iġorr din il-problema waħdu u għalija s-sigurtà tal-poplu Malti u Għawdxi huma priorità assoluta.

L-immigrazzjoni trid tissolva b’ħidma kredibbli fuq diversi fronti. Irid ikollna Gvern kredibbli u influwenti fil-fora Ewropej u internazzjonali biex jikkonvinċi gvernijiet oħra li jaqsmu magħna dan il-piż. Dan li kien jiġri sa ftit tas-snin ilu meta kellna pajjiżi li b’mod regolari kienu jieħdu immigranti u jirrilokawhom f’pajjiżhom. Għandna Gvern li tilef il-kredibbilità u l-influwenza politika tiegħu u dan hu rifless anke fil-kwistjoni tal-immigrazzjoni.

ritratt mill-arkivji

Irridu li jkollna strateġija li permezz tagħha nagħmlu ġlieda ħarxa lit-traffikanti ta’ dawn in-nies. Din il-ġlieda trid tkun parti minn ħidma ikbar biex din il-problema tal-immigrazzjoni tiġi indirizzata at source, fil-pajjiżi minn fejn jitilqu dawn in-nies. Irridu nimbuttaw għal azzjoni konkreta fuq livell Ewropew biex tabilħaqq dawn in-nies u l-pajjiżi minn fejn qed jitilqu jingħataw riżorsi biex vjaġġi bħal dawn ma jkollhomx għalfejn isiru u ma jkunux jistgħu jsiru.

Bernard Grech kompla li ma rridux ninsew ukoll l-importazzjoni ta’ ħaddiema barranin. Għax għal dan il-Gvern meta jitkellem dwar l-immigrazzjoni jinsa kemm ġab nies hu minn pajjiżi terzi.

Viżjoni għal pajjiżna

Bernard Grech sostna: Aħna mill-Oppożizzjoni determinati li nagħrfu s-sinjali taż-żminijiet u bżrieda qawwija infittxu s-soluzzjonijiet, il-bidliet, ir-risposti għall-problemi kbar li lkoll qed inħabbtu wiċċna magħhom.

Hu dmir tagħna li flimkien ma’ kull min hu ta’ rieda tajba niddjalogaw sakemm insibu il-kunsens l-aktar wiesgħa possibbli fuq is-soluzjonijiet meħtieġa fid-diversi oqsma ekonomiċi, soċjali, politiċi u kulturali. Il-Partit Nazzjonalista m’għandu l-ebda monopolju fuq il-verià, fuq is-soluzzjonijiet meħtieġa.

Il-PN għandu biss ir-rieda qawwija li jibni fuq it-tajjeb li għamel, li jitgħallem mill-iżbalji li wettaq u li b’mod ġenwin jissieħeb ma’ kulħadd, mal-istakeholders kollha, mas-soċjetà ċivili u flimkien infasslu l-viżjoni, it-triq u niskopru d-destinazzjoni li Malta jmissha tasal għaliha.

Iżda dan kollu jkun fieragħ jekk ma nagħmluhx f’qafas ta’ valuri umani u soċjali li jġeddu l-identità tagħna u jagħmluna xprun tal-ġid komuni tal-poplu tagħna, speċjalment taż-żgħażagħ u tal-ġenerazzjonijiet futuri, sosnta l-Kap tal-PN.

Bernard Grech qal li fil-qofol ta’ dak li rridu nwettqu hemm kelma waħda; viżjoni ta’ pajjiż u poplu aktar b’saħħtu, ta’ governanza aktar ġusta, ta’ riżultati ekonomiċi li ma jinkisbux a skapitu tal-ambjent u viżjoni ta’ soċjetà li ma tarmix u tiskarta lil min hu batut jew li tigglorifika lil min hu b’saħħtu. Il-viżjoni tinkludi wkoll il-postijiet fejn it-tfal tagħna jistgħu jgawdu t-tfulija tagħhom b’mod sħiħ, fejn it-talent u l-kapital uman ikun fiċ-ċentru tal-priorità ekonomika u mhux sempliċement is-suq ta’ fejn min hu l-aqwa jħawwel u fejn in-nisa verament jagħmlu qabżiet kbar ‘il quddiem u jistgħu jsarrfu l-potenzjal sħiħ tagħhom.

Din hija l-Malta li jien ser naħdem bla waqfien biex nagħtuha lura lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna.

L-Ambjent; il-qofol tal-viżjoni

Bernard Grech qal li l-viżjoni soċjo-ekonomika tal-PN se tinbena fuq it-tisħiħ tal-ambjent tagħna fejn mhux talli ma rridux nestendu aktar boundaries ta’ żvilupp iżda rridu naħdmu mal-industrija biex nirreklamaw lura żoni dilapidati u nittrasformawhom fi spazji ħodor fiż-żoni urbani tagħna. Aħna ninsistu li l-kliem “ambjent” u “kostruzzjoni” mhumiex għedewwa ta’ xulxin. Aħna rridu niftħu djalogu sħiħ li jwassal għal edukazzjoni u informazzjoni sħiħa biex niftehmu kif ser inkomplu nibnu dak kollu li għandna bżonn, imma fi pjan maħsub għat-tul, maqbul sew bejn kulħadd.

Fl-ippjanar ta’ pajjiżna rridu nagħtu valur mill-ogħla lill-estetika, lis-sbuħija tal-faċċati tad-djar u l-bini tagħna. Irridu nikkonservaw l-wirt, imma wkoll inkunu kreattivi u artistiċi fl-użu tal-materjali l-ġodda.

Il-kwalità ta’ ħajja aħjar li rridu naspiraw li nagħtu lill-poplu tagħna tinvolvi wkoll ħolqien ta’ spazji miftuħa ġodda, tkabbir u ħolqien ta’ parks naturali għat-tgawdija tal-familji tagħna.

L-iżvilupp ta’ pajjiżna huwa mużajk sħiħ u koerenti ta’ temi differenti. Ma nistgħux nitkellmu fuq kwalità ta’ ħajja jekk ma ninkwadrawhiex fil-kuntest ta’ żvilupp sostenibbli.

L-ambjent personali, li ħafna drabi huwa dak li l-iktar li jolqotna, huwa l-iktar li forsi neħduh for granted, l-inqas li nsemmu. L-iskejjel, il-postijiet tax-xogħol, iċ-ċentri tal-ibliet tagħna huma l-postijieit fejn l-iktar li nqattgħu ħin u huma wkoll l-ambjent immedjat tagħna għal ħafna ħin matul il-ġurnata. Anke hawn, irridu nagħtu priorità lil binjiet funzjonali, komdi, sbieħ u li jħarsu l-ambjent. Irid ikun hemm partnership, sitwazzjoni win-win fejn żvilupp ikun jinkludi miżuri li jtejbu l-ambjent personali tagħna.

Bernard Grech kompla li issa wasal iż-żmien li nagħtu messaġġ u spinta politika qawwija lill-operaturi ekonomiċi kollha biex nindikaw mobilizzazzjoni nazzjonali kbira fis-servizz tat-teknoloġiji ħodor.

Qed nissuġerixxu li jeħtieġ li nħarsu lil hinn mill-orizzont li qed naraw illum; li nifhmu s-sinjali ċari taż-żmenijiet. Dan ifisser li rridu nkunu kreattivi, avventurużi, innovattivi li nużaw it-teknoloġiji u x-xjenza kollha li għandna illum biex inħarsu l-ambjent b’mod li dan ikun il-mutur il-ġdid tal-ħolqien tal-impiegi, tal-profitti fin-negozju, fit-turiżmu, tas-sistema edukattiva tagħna; għandna bżonn ħajja ħolistika ġdida, safja, sana, sigura.

Din hi l-missjoni ġdida tagħna; edukazzjoni, djalogu, persważjoni biex nifhmu li l-ġejjieni irid jinbena mill-ġdid madwar il-ġid komuni bl-ambjnet fil-qalba tiegħu.

Kwalità tal-ħajja

Bernard Grech qal li t-tieni pilastru tal-viżjoni soċjo-ekonomika huwa l-kwalità tal-ħajja. Dan se jkun fiċ-ċentru tal-politika li ser nipprattikaw.

Fejn jidħol l-investiment tat-tkabbir ekonomiku fil-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini, l-persentaġġ ta’ familji fir-riskju ta faqar fl-2013 kien ta’ 15.8%. Tela’ l-Gvern Laburita bl-għajta li se jeqred il-faqar iżda ma sar xejn iktar.L-ekonomija kibret, għamilna surplus u fl-2019, din ir-rata telgħat, mhux niżlet u llum qiegħda fil-livell ta’ 17.1%.

Mela, jew it-tkabbir ekonomiku tagħna hu artifiċjali jew vizzjat, jew il-Gvern mhux qed jirnexxilu jindirizza l-faqar adekwatament. Jekk l-ekonomija titħalla għal rasha, l-faqar jiżdied mhux jonqos. Biex il-faqar jonqos irid ikun hemm il-politiku li kostantament ikun qed jindirizza l-problema. Imma, jidher li l-interess tagħna kien fit-tkabbir ekonomiku biss, u illum nafu għaliex. Jista’ jkun li jekk, u meta saret xi ħaġa, biex nindirizzaw il-faqar, dan sar biex ngħattu xturna.

Bernard Grech qal li l-PN qed jipproponu t-twaqqif ta’ unit tal-Poverty Watch li jkun indipendenti mill-Gvern, li jkun jifforma parti mill-European Anti-Poverty Network.

Iż-żgħażagħ fil-qofol tat-tmexxija pubblika u privata

Iż-żagħżagħ huma mingħajr dubju wieħed mil-aktar elementi importanti fis-soċjetà tagħna; aħna se nagħtu liż-żgħażagħ centre-stage għat-tfassil tal-futur ta’ dan il-pajjiż.

Dan huwa l-pilastru tal-viżjoni tagħna li ser jippermettilna li nirriġeneraw il-fibra soċjali ta’ dan il-pajjiż biex ninfetħu għal-idejat, l-innovazzjonijiet u l-enerġija li għandhom iż-żgħażagħ. Nemmen li ż-żgħażagħ m’humiex sempliċement token jew ritratt fuq billboard iżda huma l-mutur li ser iwettqu t-trasformazzjoni, l-idejn li se jagħmlu l-viżjoni realtà.

Irridu ninċentivaw iż-żagħżagħ biex jipparteċipaw b’mod attiv fil-politika, biex isemmgħu leħinhom għax l-għan tagħna bħala politiċi għandu jkun li nroddu lil ġenerazzjonijiet futuri pajjiż b’saħħtu, ġust u li jkunu kburin bih.

Bernard Grech qal li l-ewwel pilastru tal-viżjoni tagħna hu fuq quddiemnett tal-aġenda taż-żagħżagħ Maltin u Għawdxi. L-iżvilupp mhux sostennibli f’kull kantuniera ta’ Malta u l-ambjent. F’survey maħruġ minn Ernst & Young joħroġ kif għaż-żgħażagħ l-ikbar issues ta’ tħassib, apparti l-Covid naturalment huma l-iżvilupp żejjed, l-ambjent u t-traffiku.

Irrid nkunu pro-attivi anke fil-qasam tax-xogħol. Irridu nippromovu l-bżulija. Irridu żagħżagħ li jaħdmu, li jiġu premjati talli qed jagħmlu dan u jieħdu dak li jkun jixraqilhom. Kont nippretendi li dan il-Gvern iħallas l-istipendju lil żagħżagħ li jaħdmu għal aktar minn 20 siegħa fil-ġimgħa daqs dawk li jaħdmu anqas jew li ma jaħdmux. Għaliex jekk taħdem, tiġi kkastigat u l-Gvern joħodlok l-istipendju? Irridu naffaċjaw ir-realtà li hawn żagħżagħ li jaħdmu mhux biex sempliċiment jaqalgħu il-flus, imma għax hekk hemm bżonn biex jgħinu finanzjarjament lilhom infushom u llil-familji tagħhom.

Irridu naħdmu wkoll sabiex naraw studenti u żagħżagħ oħrajn li jagħmlu prattika, internships u traineeships, li jitħallsu ta’ dak li jkunu qedgħin jagħmlu. Jekk hemm bżonn anke b’inċentivi lil min iħaddem sabiex jimpjega aktar żagħżagħ. Hawn ħafna żagħżagħ li jinkwietaw li meta joħorġu fid-dinja tax-xogħol, ma jsibux min jimpjegahom u allura l-Gvern missu jkun kommess li jgħin u jagħti imbottatura liż-żagħżagħ biex ikollhom l-opportunitajiet miftuħin quddiem kemm jekk iridu jaħdmu kif ukoll jekk iridu jibdew negozju.

It-talent uman jibqa’ l-bażi tal-futur ekonomiku

Bernard Grech qal li r-raba’ pilastru hu dak li ser jgħaqqad l-ambjent, il-kwalita tal-ħajja u d-demm żgħażugħ mad-dinja tax-xogħol; it-talent uman. Irridu nibnu dan il-pilastru fuq ir-rwol tal-għalliema u l-edukaturi u kif nistgħu nappoġġjawhom biex huma jkunu jistgħu jwettqu l-vokazzjoni tagħhom b’mod aktar effettiv u bid-dinjità li din il-professjoni tant nobbli jixirqilha.

Dan jkber fir-rilevanza meta nifhmu li fil-qalba tar-riġenerazzjoni tas-sistema ta’ produzzjoni tagħna hemm investimenti fil-futur tagħna u l-użu ta’ metodi tas-seklu wieħed u għoxrin. Is-sistema edukattiva hija l-ewwel qasam ta’ fokus fit-trasformazzjoni tal-pajjiż li tippermetti lil kulħadd isib postu f’bidliet kbar li qed isiru.

L-ewwel fl-iskola primarja; l-ewwel post fejn irridu niġġieldu l-għeruq tal-inugwaljanzi u fejn jista’ jkollna l-akbar impatt.

Wara l-iskola primarja u sekondarja, irridu niffokaw fuq l-għoti ta’ gwida għall-karriera, qabel il-matrikola tal-iskola sekondarja. Fl-aħħarnett, is-settur post-sekondarju, vokazzjonali u terzjarju. Fil-kuntest tal-lum, jekk irridu nirnexxu, rridu nħallu l-università tagħna indipendenza pedagoġika akbar u nagħtuhom aktar riżorsi.

Il-mod biex jinkiseb dan huwa, ovvjament, permezz tal-għalliema tagħna. Fil-prattika, kollox jiddependi fuq il-fiduċja li npoġġu fuq min qiegħed fuq il-front tal-battalja, il-frontliners.

Iżda rridu nifhmu wkoll li aħna ma nistgħux nibqgħu iżolati mill-bqija tad-dinja u pajjiżna għandu jkun pajjiż li jiġbed l-aqwa talent globali biex jgħix u jaħdem f’pajjiżna u joħloq aktar u aktar impjiegi ta’ kwalità għall-Maltin u l-Għawdxin. It-taħlita tat-talent lokali flimkien ma dak globali għandu l-ħila li jittrasforma lil dan il-pajjiż f’ġojjel ekonomiku li jgħożż l-ambjent naturali, jippremja l-kwalità tal-ħajja u li jagħti l-opportunità liż-żgħażagħ biex jimirħu f’oqsma innovvattivi u li fuq kollox irendu.

Ekonomija għan-nies ma tħarisx lejn il-persuni skond kemm għandhom flus fil-kont tal-bank u kemm jistgħu jixtru passaporti. Aħna nħarsu lejn l-ħiliet, il-kompetenza u fuq kollox l-għerf u l-għarfien li l-persuna tista’ tagħti lill-ekonomija tagħna u kif tista’ tkun persuna li żżewwaq is-soċjeta’ tagħna bil-kontribut tagħha. Din hija politika mibnija fuq in-nies.

Setturi ekonomiċi b’pagi li jrendu

Bernard Grech qal li gvernijiet Nazzjonalisti biddlu l-wiċċ tal-ekonomija minn waħda mibnija fuq iċ-cheap labour għal dik fuq il-valur miżjud u s-servizzi. It-turiżmu jrid jibqa’ settur vitali għall-ekonomija tagħna. Anzi jrid isir settur aktar importanti, iżda b’differenza. Id-differenza trid tiġi mill-kwalita’ tat-turiżmu u tal-prodott ta’ pajjiżna. Irridu naħdmu biex inbiddlu l-prodott turistiku tagħna f’wieħed li ma’ jikkompetix fuq il-prezz iżda fuq il-valur tal-esperjenza li turist jieħu lura miegħu minn pajjiżna.

Iżda t-turiżmu ma jiġix ittrasformat f’iżolament mill-bqija. Dan irid jinbena fl-isfond ta’ oqsma ekonomiċi li jkunu kumplimentari għal din il-kwalita’ ta’ turiżmu. F’perjodu qasir tal-aħħar 40 sena ir-rivoluzzjoni diġitali tal-informatika trasformat id-dinja f’kull aspett tal-ħajja tal-bniedem. Gvernijiet Nazzjonalisti ħatfu din l-opportunità u b’impenn, konvinzjoni u kompetenza assiguraw li l-poplu Malti jibbenefika mit-trasformazzjoni diġitali tas-sistema soċjo-ekonomika u l-prospetti li din iġġib magħha.

Sal-2013 Malta kienet diġà għamlet avvanzi kbar fl-infrastruttura tal-kommunikazzjoni diġitali u nbnew servizzi sħaħ fl-oqsma kollha, b’mod partikolari fl-amministrazzjoni pubblika, fl-edukazzjoni, s-saħħa, l-kummerċ, banek, kultura u s-sigurtà.

Fis-seba’ snin li għaddew il-Gvern Laburista kompla fuq il-ħafna tajjeb li sab u prova jieħu numru ta’ inizjattivi. Kien hemm aktar enfasi fuq propoganda u buzzwords bħall-artificial intelligence, l-augmented reality u l-Blockchain . Ma narawx li l-progress diġitali fis-soċjetà tagħna kien inkwadrat b’mod integrali f’xi viżjoni għal Malta u Għawdex.

Il-Gvern ikkummerċjalizza b’mod estensiv lil Malta bħala l-gżira tal-blockchain. Dan is-suċċess ġie mkejjel min-numru ta’ operaturi li applikaw biex jakkwistaw il-liċenzja meħtieġa biex ikunu jistgħu joperaw intrapriża kummerċjali blockchain ġewwa u minn Malta. Kellna nsiru “The Blockchain Island”; l-ewwel fid-dinja. Iżda minn dak li jidher kollox tar mar-riħ. Il-proġett tal-gżira blockchain falla. Il-Gvern kellu l-pariri biex ma nibdewx din l-istrateġija billi niffukaw fuq il-cryptocurrencies imma għal raġunijiet li jaf hu, hekk sar u spiċċajna d-daħka tal-industrija.

Il-Kap tal-PN kompla li se nibnu l-mudelli ekonomiċi l-ġodda fuq l-esperjenza li għandna u s-suċċessi li ksibna bil-għan ewlieni tagħna jkun li noħolqu impġjiegi li jrendu u mhux impjiegi li jeżistu biss għaliex huma prekarji. Din hija d-differenza fundamentali fil-mudell ekonomiku ta’ Robert Abela – il-Muscatonomics – u l-mudell tagħna; intom tibnu fuq il-konsum u żvilupp bla rażan biex il-poplu jgawdi mill-loqom li jibqa’ u aħna nibnu l-ekonomija fuq sisien sodi li jagħtu valur miżjud kbir u li jrendi pagi ogħla u aħjar għall-ħaddiema kemm dawk li jaħdmu fl-oqsma ta’ l-għerf kif ukoll dawk fl-oqsma operazzjonali, teknika u tal-id.

Nirrispettaw dak li jagħmilna Maltin

Bernard Grech qal li l-poplu Malti u Għawdxi jista’ jkun kburi u jimxi b’kuraġġ ‘il quddiem biss jekk nafu minn fejn ġejna. Il-wirt kulturali huwa l-pedament tan-nazzjon tagħna. Il-wirt jippermetti lil kull wieħed u waħda minna li nkunu konxji minn fejn ġejjin u fejn sejrin.

Il-kultura tagħna hija dik li tispirana u tiġborna flimkien. Il-lingwa tagħna li tiddistingwina. Irridu nkomplu ninvestu fil-wirt storiku tagħna. Dan hu l-aqwa investiment għall-futur. Rajna fl-aħħar snin għarfien dejjem jikber għall-ħarsien tal-wirt storiċi, mgħejjuna mhux ftit ukoll minn fondi Ewropej li huma mmirati lejn il-konservazzjoni u r-restawr fosthom tas-swar tagħna.

Irridu nidħlu f’partnerships mal-privat biex ir-riżorsi tagħna kollha jkunu ffukati lejn titjib tal-wirt storiku, li hu wkoll il-ġid pubbliku ta’ kull wieħed u waħda minnha. Irridu niżviluppaw korsijiet akkademiċi biex niżguraw li iktar studenti jistudjaw f’oqsma li jgħinuna inkomplu nitgħallmu nirrispettaw dak li tant jagħmilna uniċi f’dinja li qed isir dejjem iktar globalizzata.

Patt Soċjali ġdid

Bernard Grech kompla li li ekonomija trid tkun mibnija fuq soċjetà ġusta, fejn il-ħaddiem jaqla’ l-paga li jixraqlu għall-ħin raġjonevoli li jaħdem u fejn l-imprenditur jagħmel il-qliegħ dovut lilu b’mod ekwu għar-riskju li jkun ħa.

Nenfażizza u nagħmel bħala għan ewlieni tal-viżjoni tagħna, l-iffirmar ta’ Patt Soċjali ġdid li jabbraċċa mudelli innovattivi ta’ kif inħarsu lejn l-istabbilità fl-impjieg, il-pagi tal-ħaddiema, il-kwalità tal-ħajja fuq il-post tax-xogħol u l-aspett dejjem aktar importanti tal-work-life balance. Se nagħtu priorità ewlenija lejn l-introduzzjoni tal-living income f’pajjiżna; wasal iż-żmien li nirrevedu l-mekaniżmu tal-COLA għax dan mhux qed iservi il-bżonnijiet li qed ngħixu fihom fis-sena 2020.

Konvint li l-imsieħba soċjali llum għandhom maturità biżżejjed biex ikunu l-protagonisti f’dan l-isforz; unions, korpi, għaqdiet mhux governattivi, pajjiżkom qed isejħilkom biex tkun l-arkitetti ta’ dan il-Patt Soċjali ġdid; aħna se ntukom l-ispazju u nittama li l-gvern jilqa’ din id-direzzjoni u nimbarkaw fuqha llum qabel għada.

Żvilupp soċjali

Il-Kap tal-PN kompla li l-Patt Soċjali ġdid huwa kkumplimentat minn impetus bla preċedent fil-qasam soċjali bil-għan ewlieni jkun l-iżvilupp soċjali fejn persuna u l-familja tagħha jkollha l-għodod kollha biex tikseb impjieg aħjar, ta’ dinjità u li jrendi.

Se naqilgħu l-politika soċjali ta’ dan il-pajjiż ta’ taħt fuq għaliex huwa evidenti li għandna politika falluta, politika tal-handouts u politika li ma tagħtix appoġġ lil min irid jitlaż l-iskaluni soċjali iżda sempliċement isostnih biex jibqa’ jeżisti. Aħna lill-Maltin u l-Għawdxin irriduhom jgħixu tajjeb mhux bil-loqom li jibqa’ mill-ħniżrijiet. Hi sfortuna li llum fis-sena 2020 għadna nqisu lil dawk li huma anqas ipprivileġġati bħala ċittadini tat-tieni klassi.

“Għalina, l-anzjani, il-persuni b’diżabbilta, il-vulnerabbli, il-familja bi sfidi soċjali u dawk fostna maħkumin minn xi vizzju lkoll għandhom valur uniku. Anzi l-isfida li jien qed inpoġġi quddiemi u qudddem it-tim tiegħi hija li lil dawn in-nies nimxu l-mixja magħhom sakemm ikunu jistgħu jfendu għar-rashom fi sfond ta’ appoġġ soċjali li ma’ jħalli lil ħadd jaqa’ lura”, sostna l-Kap tal-PN.

L-anzjani xebgħu jisimgħu wegħdiet fiergħa; għalkemm qed jingħataw iż-żieda, il-Gvern ikun diġa ħadielhom fi spejjeż u għoli tal-ħajja li jkunu batew qabel. Itik b’id u jeħodlok bi tnejn oħra.

Għandna dmir li nagħtu kelmitna li neliminaw darba għal dejjem il-problema tal-housing f’pajjiżna. Hawn min sa llum li jixtieq li għandu saqaf fuq rasu u għadu ma rnexxilux. Hawn mijiet ta’ familji li huma msallbin bil-post fejn jgħixu; jew għax mhux adattat, jew għax il-kera għolliet mas-smewwiet. “Intom qtajtu qalbkom li ssolvuha din il-problema u issa ser tużaw il-housing biex mingħalikom tixtru ftit voti. Aħna rridu ningħaqdu mas-settur privat biex insolvu din il-problema darba għal dejjem filwaqt li ngħinu lis-settur tal-bini biex ikun parteċipi f’dal-proċess ta’ suċċess”, sostrna Bernard Grech.

Il-qasam soċjali jinħtieġ politika b’ruħ soċjali u mhux Gvern Laburista li jinkwadra preċiż fid-definizzjoni ta’ champagne socialists. Għall-pensjonanti għalikom €5 u għalihom l-eluf f’konsulenzi u bordijiet. Din hija l-ekonomija għan-nies; ekonomija b’saħħitha għal poplu b’saħħtu f’pajjiż li jgħożż il-ġustizzja soċjali.

In-nisa; jeħtieġ rieda għal iktar ugwaljanza

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla li hu jqis li minkejja l-avvanzi li saru, in-nisa xorta għadhom isofru diskriminazzjoni kulturali u strutturata b’mod partikolari fil-qasam tax-xogħol. Nirrikonoxxu l-passi li ħadu diversi gvernijiet immexxija mill-Partit Nazzjonalista u nirrikonoxxu li l-Gvern tal-lum ukoll ħa sensiela ta’ miżuri importanti u pożittivi maħsuba li javvanzaw il-mara fis-soċjetà u ħatar numru ta’ nisa fl-aktar karigi għolja tal-pajjiż sa minn President għal ġudikatura għal kapijiet fiċ-ċivil u pożizzjonijiet oħra.

Fadal ħafna xogħol x’nagħmlu biex tispiċċa l-kultura tal-ugwaljanza tal-mara mar-raġel; biex nassiguraw li jitneħħa kull xkiel li jista’ jżomm il-mara milli twettaq l-aspirazzjonijiet, il-ħolm, it-talenti kreattivi tagħha. Fadal aktar x’nagħmlu biex nassiguraw li l-mara titħallas daqs l-irġiel għall-istess xogħol. Li wkoll fost l-oħrajn niġġieldu l-pjaga tal-vjolenza domestika.

Il-PN ħa sehem attiv fid-diskussjonijiet dwar il-Gender Balance in Parliament Reform, sew fuq livell tekniku kif ukoll fuq livell politiku dwar il-miżuri meħtieġa biex ikollna aktar nisa f’dan il-Parlament. Il-proposti li ż-żewġ naħat jaqblu fuqhom jaħsbu biex ikun hemm sistema li tippermetti li n-numru ta’ Membri Parlamentari jista’ jiżdied sa 12; sitta fuq kull naħa, jekk ir-riżultat tal-elezzjoni ġenerali ma jwassalx għal proporzjon ta’ 40% mara parlamentari.

Bernard Grech appella lill-Gvern li fuq ħaġa li ż-żewġ naħat qed naqblu fuqha għandna mill-aktar fis nikkonkluduha bi ftehim, ngħaddu l-liġi u nimplimentawha mill-ewwel fuq il-bażi tar-riżultat tal-aħħar elezzjoni sew biex is-sistema tindara fil-prattika u wisq aktar biex dak li nemmnu fih inwettquh fil-prattika bla dewmien. Il-fatt li qed noqorbu lejn elezzjoni ġenerali m’għandux jintuża bħala skuża biex pass hekk importanti jibqa’ ma jitwettaqx. Jekk kulħadd ikollu r-rieda, it-triq insibuha, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni.

Għawdex fiċ-ċentru mhux sempliċi annex ta’ Malta

Dwar Għawdex, il-Kap tal-PN qal li Għawdex u l-Għawdxin huma għal qalb il-PN għaliex , l-Għawdxin m’humiex after-thought iżda pilastru ieħor li fuqu nistgħu nibnu t-trasformazzjoni ekonomika tagħna, speċjalment fl-isfond tal-ewwel żewġ pilastri tagħna; l-ambjent naturali u l-kwalita tal-ħajja. Għandna viżjoni ta’ mudell sostenibbli għal Għawdex li jkun mibni madwar erba’ prioritajiet li fihom Għawdex diġà għandu fuq xhiex jibni; is-settur agro-kulturali, it-turiżmu intern u estern, is-settur diġitali u l-ekonomija l-ħadra.L-aċċessibilità hija issue marbuta mill-qrib mal-kompetittività u s-sostenibilità ta’ Għawdex. Il-PN diġà iddikjara li lest iħares lejn il-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex b’mod kostruttiv u pożittiv. Imma l-ewwelnett irridu nifhmu l-Għawdxin x’jaħsbu; x’verament iridu. Irridu niddiskutu bis-serjetà u noħorġu l-informazzjoni kollha kemm hi u nfiehmu lill-poplu kollu.Jeħtieġ li l-esperti jkunu oġġettivi u indipendenti u li jikkonvinċu dwar il-fattibilità tal-proġett; kemm se jiswa u kemm se jiswa biex inżommuh u mmexxuh.

Irridu niżnu kemm verament se nakkwistaw u kemm se nitilfu minn proġett bħal dan, jekk hemmx alternattivi ta’ kommunikazzjoni bejn Malta u Għawdex li huma daqstant ieħor effettivi u fattibbli daqs il-mina u li potenzjalment fihom inqas impatt negattiv.

M’għandux jibda xi proġett ta’ xi mina bejn il-gżejjer qabel jitfassal masterplan dettaljat dwar l-iżvilupp f’Għawdex, il-kwalità tiegħu, l-ambjent, l-estetika u li dan il-pjan jiġi mgħoddi b’liġi li ma tkunx tista’ tinbidel jekk mhux b’vot ta’ żewġ terzi u jekk hemm bżonn b’referendum.Għawdex għandu bżonn pjan strateġiku ħolistiku li jħares lejn fejn irridu nieħdu din il-gżira fl-10 snin li ġejjin. Dan ikun pjan li jinħadem mal-Għawdxin stess; pjan li jħares lejn gżira li tant għandha x’ toffri.

Pjan li jkun ibbażat fuq kif tiġi konservata s-sbuħija tal-gżira Għawdxija, kif tiġi diversifikata l-ekonomija ta’ Għawdex biex l-Għawdxin ikollhom l-istess kundizzjonijiet tax-xogħol bħal f’Malta, pjan li jerġa’ jara lil Għawdex vibranti biż-żgħażagħ Għawdxin jaħdmu u jgħixu f’Għawdex stess.Il-PN se jkun qed jaħdem biex jipproponi dan il-pjan fix-xhur li ġejjin.

Kampanja u agrikoltura; pilastru ekonomiku

Bernard Grech sostna li lis-settur agrikolu mhux talli ma narawhx bħala piż, talli li ser inpoġġuh bħala pilastru ekonomiku ieħor li jikkumplimenta l-bqija tal-mudell soċjo-ekonomiku tagħna; din hija l-ekonomija tan-nies fejn tgħożż dak li hu naturali u tkattru b’responsabbilita għaliex finalment dan huwa l-wirt li rridu nħallu. Hija wkoll il-qafas tal-ambjent rurali tagħna.

Dan għax strateġija ekonomika li tassew tirrispetta l-ambjent tippermettilna wkoll li nittrasformaw il-kampanja tagħna; jew dak li fadal minnha. Għandha l-potenzjal li nagħmlu minnha fattur fl-iżvilupp robust tal-agrikoltura tagħna jekk aħna kapaċi naħtfu l-opportunità.

L-ewwelnett, għaliex diversifikazzjoni intelliġenti, partikolarment meta marbuta ma’ produzzjoni u rkupru ta’ enerġija alternattiva hija sors ta’ tkabbir ta’ dħul anke għall-bdiewa. It-tieni, għaliex mhux veru li Malta għandha viżjoni strateġika għall-agrikoltura.

Tul is-snin pruvajna nraqqgħu l-pannu bil-qara aħmar, għaddejjin minn kriżi għall-oħra ukoll relatati mal-ambjent; kollox jixhed mudell agrikolu diġa kompromess ħafna. Il-kampanja u l-art agrikola qed jonqsu. Fl-aħħar sebgħin sena, tlifna parti kbira wisq mill-art għammiela tagħna; l-għelieqi tagħna baqgħu jiġu frammentati; kompla t-telf tal-ħamrija u l-erosjoni tagħha; b’telqa qawwija ta’ ħitan tas-sejjiegħ; bil-biċċa l-kbira tal-art agrikola mitluqa u mhux koltivata.

Irridu noħolqu patt soċjali ġdid mad-dinja tal-agrikoltura biex nippermettu lill-akbar numru ta’ nies ikollhom aċċess għal ikel ta’ kwalità, ikel bnin bi prezzijiet raġjonevoli, filwaqt li niggarantixxu lill-bdiewa dħul deċenti. Dan il-patt soċjali se jkun ibbażat fuq biedja li hija kemm aktar kompetittiva kif ukoll aktar sostenibbli. It-twemmin tagħna hu li dawn ir-rekwiżiti mhumiex kontradittorji. Madankollu, is-settur tal-biedja tagħna u l-industrija tal-ipproċessar tal-ikel jeħtieġ jaħtfu din l-opportunità.

Irridu wkoll nimpenjaw ruħna bis-serjetà biex noħolqu l-ispazju meħtieġ lil min irid li jiżviluppa kuncetti godda ta’ produzzjoni ta’ oġġetti ta’ ikel organiku relatat mar-raba’ u mal-bhejjem bil-ħolqien jew tisħiħ ta’ industrija ġdida turistika. Dan mhux biss saħħaħ l-prodott turistiku u lokali iżda wkoll jagħti l-incentiv sabiex aktar raba tiġi ndukrata u tintuża b’modi ġodda u kreattivi.

Viżjoni ekonomika f’pajjiż sikur

il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla li huwa naturali li din il-viżjoni kollha ma tistax titwettaq jekk pajjiżna ma jkunx meqjus bħala ġurisdizzjoni serja u pajjiż sikur, fejn min jagħmel il-bombi ma jagħmilx snin jiġri mas-saqajn minħabba l-intriċċi u x-xbieki tal-kriminalità organizzata.

Pajjiżna jrid jara li l-verità kollha dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia toħroġ u dan isir kemm jista’ jkun mingħajr aktar dewmien. Kull ġurnata li tgħaddi b’dan il-każ għadu miftuħ hija ġurnata li pajjiżna jitlef aktar il-kredibbiltà tiegħu. Min jista’ jemmen li hawn is-saltna tad-dritt f’dal-pajjiż meta l-qtil ta’ ġurnalista jibqa’ każ miftuħ, b’intriċċ ġdid mal-politiċi joħroġ kull ġimgħa?

Irridu nsaħħu l-istituzzjonijiet u nħalluhom verament joperaw b’indipendenza sħiħa u mingħajr xkiel. Hekk biss nistgħu nagħtu ċans lil dan il-pajjiż jindem mill-ħsara li qed issirlu ma’ kull jum li jgħaddi. Is-sigurtà m’għandiex prezz fuqha u mingħajra jista’ jkollok l-aqwa buzzwords u l-isbaħ stickers mal-art quddiem il-Parlament għaliex l-investituri mhux talli ma jersqux ‘l hawn iżda talli dawk li hawn jitilqu.

Hu essenzjali biex ikollna pajjiż b’saħħtu hi kultura ta’ djalogu li timmira għall-verità. Imma dan id-djalogu ma jistax jinbet u jinfirex bis-sistema ta’ xandir u media li għandna f’pajjiżna kontrollata mill-Gvern.

Gvernijiet differenti ma rnexxielhomx jagħtu u jiggarantixxu dak li titlob il-Kostituzzjoni; xandir indipendenti, imparzjali u bilanċjat. Bil-kontra kellna, u għandna, gvern li bil-maqlub ħataf is-servizz pubbliku tax-xandir taħt idejh u nafu li bi flus il-poplu jinfluwenza bil-kbir mezzi ta’ media u ġurnali privati.

Ma nistgħux inkunu pajjiż f’saħħtu jekk inkunu poplu mifrud il-ħin kollu u fuq kollox; poplu li jgħix żewġ rejaltajiet, żewġ veritajiet, dik blu u dik ħamra. Għandna bżonn bażi komuni, qafas wieħed tar-realtà, tal-verità li ngħixu kuljum bħala poplu. Jekk ma jkollniex dan ma nistgħux insawwru u insegwu viżjoni u programmi li jwasslnua fid-destinazzjoni li jmissna nagħżlu għal uliedna, ż-żgħażagħ u l-ġenerazzjonijiet futuri.

Bernard Grech sostna: “Jiena napprezza t-teknoloġiji l-ġodda. Imma daqstant ieħor tajjeb inkunu konxji tal-periklu għad-disintegrazzjoni tas-soċjetà. Ma tmurx ġo familja, ristorant, passiġġata, pjazza fejn, minflok nies miġbura u animati f’relazzjoni soċjali u diskussjoni sana, tara ġabra ta’ individwi, kollha f’bubble għalihom, aljenati fuq l-iskrin tal-mobile tagħhom minflok ma jikkomunikaw ma’ dawk li jinsabu fiżikament madwarhom jintilfu f’kuntatt virtwali ma’ ħaddieħor. Ilkoll nafu kif it-tfal qed isiru addicts, ivvizzjati, vittmi, ta’ dawn il-mezzi”.

Hemm bżonn ta’ edukazzjoni ħajja li tenfażizza t-tajjeb, iżda wkoll li teduka kontra l-użu ħażin ta’ dawn il-mezzi dwar riklamar u produzzjonijiet qarrieqa.

Kburin li aħna Maltin

Il-Kap tal-PN qal li dawn huma żminijiet ta’ sfida kbira. Il-veloċità tal-globalizzazzjoni ilha toħloq sfidi varji kemm għall-pajjiżi kbar kif ukoll għal dawk żgħar. Malta m’hijiex eċċezzjoni. Waħda mill-ewwel responsabbiltajiet tagħna hi li naqraw is-sinjali taż-żminijiet.

Il-proliferazzjoni tat-teknoloġiji qed iġġib diversi sfidi għall-ekonomiji u n-negozji madwar id-dinja kollha. Il-moviment tan-nies f’termini ta’ migrazzjoni qed jikber u jġib sfidi enormi speċjalment għal pajjiżi żgħar bħal tagħna. Tibdil fil-klima u żvilupp sostenibbli. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas il-pandemija li qed theżżeż id-dinja.

Qegħdin ngħaddu minn żminijiet ta’ taqlib kbir. Madankollu aħna bħala nazzjon żgħir nistgħu nbiddlu dawn l-isfidi f’opportunitajiet.

Aktar minn kwalunkwe żmien ieħor fl-istorja ta’ dan in-nazzjon hemm bżonn ta’ viżjoni u mhux diviżjoni, għaqda u mhux firda. Mingħajr għaqda madwar viżjoni nitilfu t-triq.

Aħna irridu nerġgħu nidderieġu lil pajjiżna man-naħa t-tajba tal-istorja. Li nibnu mill-ġdid l-immaġni, il-fama, ir-reputazzjoni tajba ta’ pajjiżna fid-dinja. Din hi responsabbilità ta’ kull wieħed u waħda minna f’din il-Kamra, kif ukoll barra minnha. Issa huwa l-mument tal-verità. Jekk mhux aħna, min? Jekk mhux issa, meta?, sostna l-Kap tal-PN.Perfetti m’aħniex, żbalji wettaqna. Imma aħna nemmnu fil-poplu Malti. Aħna nemmnu f’Malta.

Għax nemmnu, fl-1964 ħadna l-indipendenza wara sekli ta’ ħakmiet differenti. Kien Gvern immexxi mill-PN li nnegozja mal-Gvern Ingliż għax fehem kemm il-poplu kellu għatx għas-sovranità u l-libertà.

Dik il-fiduċja tat il-frott u pajjiżna qatt ma ħares lura. Dan wassal għat-twaqqif ta’ Malta Repubblika fl-1974 u tat-tmiem tal-bażi militari Ingliża f’Malta l-1979.

Kellu jerġa jkun PN fil-Gvern li wara l-1987 beda jimmodernizza l-ekonomija, li wasslet biex inħoloq il-ġid u nħolqu l-impjiegi. Kellna ħolma oħra għall-pajjiżna; is-sħubija fl-Unjoni Ewropea li waslet fl-2004 bl-appoġġ ta’ koalizzjoni wiesa’ ta’ partiti politiċi, imsieħba soċjali, NGOs, unions li lkoll ingħaqdu wara l-viżjoni tagħna li nagħmlu minn pajjiżna, pajjiż Ewropew ta’ suċċess. Fl- 2008, isseħibna fil-munita komuni Ewropea, pass li kompla saħħaħna u li tana stabbilità, li tant sibnieh utli fil-kriżi finanzjarja li faqqgħet ftit taż-żmien wara.

Dak hu l-wirt tal-viżjoni tal-PN għal pajjiżna; wirt li hu frott l-imħabba u l-fiduċja li għandna f’pajjiżna u f’niesna

Il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna: Aħna rridu li l-pajjiżna jkun kburi, rasu mgħollija ‘l fuq. Kburi bl-imgħoddi tiegħu, rasu mistrieħa mill-preżent u ambizzjuż u entużjast għall-futur. Irridu poplu mogħni b’valuri sodi, poplu bieżel li jgħin lill-għajru u lil min l-iktar li għandu bżonn. Irridu poplu b’saħħtu, mhux beżgħan u inkwetat. Irridu istituzzjonijiet li jaħdmu, biex il-ħniżrijiet li twettqu ma jerġgħux isiru, anzi jservuna ta’ tagħlima.

Irridu pajjiż li fih ma jinqatel ebda ġurnalist ieħor. Irridu li ma tinqatel ebda tfajla jew ġuvni innoċenti minħabba l-politika, ebda omm minħabba r-rebgħa, ebda wild jew ġenerazzjoni sħiħa minħabba l-inġustizzja u l-impunità. Irridu politiċi li f’kull ma jipproponu, jżommu lill-persuna umana fiċ-ċentru tal-ħsieb politiku tagħhom. Politiċi li jikkompetu bejniethom biex joħolqu l-ġid u mhux biex jistagħnew huma. Politiċi li jiżguraw li l-ġid jitqassam b’mod ġust bejn kulħadd.

Bernard Grech kompla li rridu noħolqu ambjent fejn negozjant ikollu inċentiv jinvesti, inkluż f’setturi ekonomiċi ġodda. Irridu li ż-żgħażagħ jieħdu l-aqwa edukazzjoni biex jimirħu u jaħtfu l-opportunitajiet li jiġuhom, kemm f’Malta kif ukoll barra minnha. Iżda rridu wkoll li jekk żagħażgħ jagħżel li ma jkomplix jistudja u minflok jibda jaħdem, dan ikollu l-mezzi li jiżviluppa u li jkun kburi bil-ħiliet artiġġjanali, tekniċi u artistici tiegħu. Irridu r-rispett lejn l-ambjent tagħna, b’politika li żżewweġ flimkien l-ambjent u l-iżvilupp.

Irridu Malta kburija bl-istorja tagħha, l-kultura tagħha, bil-pajsaġġi tagħha. Irridu Malta li xxerred il-kultura u l-valuri tagħha. Malta li temmen fl-opportunitajiet, tieħu r-riskji, tażżarda tittama, qatt ma taċċetta qligħ mhux ġustifikat. Irridu pajjiż għani, Malta li kulħadd jitkellem dwarha għar-raġunijiet it-tajbin, fejn investitur ikun għatxan biex jinvesti fiha. Irridu Malta li tkun effiċjenti, ġusta, u intraprenditorjali, fejn kull ċittadin jagħżel ħajtu u jgħix minn xogħolu.

“Jien nemmen li pajjiżna jixraqlu tmexxija li temmen li post il-bniedem huwa fiċ-ċentru tal-politika, tmexxija li terġa tagħmel lil Malta partner kredibbli fuq livell politiku u terġa’ trodd lura d-dinjità u r-reputazzjoni lil pajjiżna. Din hi mhux biss it-tama li jixraqlu l-poplu Malti bħalissa. Din hi l-viżjoni li tixprunana fil-ħidma politika tagħna biex flimkien nifdu lil pajjiżna. Għada jista’ jkun aħjar u se jkun aħjar. Hekk inkunu nistgħu verament nikbru u nissaħħu flimkien”, ikkonkluda l-Kap tal-PN Bernard Grech.