Lokali

Zammit Lewis jikkonferma li l-Budget mimli wegħdiet riċiklati

Konferma – jekk għad kien hemm bżonnha – ta’ kemm il-Budget għas-sena d-dieħla hu wieħed ta’ ripetizzjoni u mimli wegħdiet riċiklati minn sena għall-oħra.

Il-konferma issa waslet ukoll mill-Ministru tal-Ġustizzja Edward Zammit Lewis dwar il-wegħda tal-bini l-ġdid tal-Qorti ta’ Għawdex. Dan hekk kif, minkejja li din il-binja ilha mwegħda għal diversi snin, issa l-Ministru tal-Ġustizzja qal li s-sena d-dieħla se jinbeda biss il-proċess kompetittiv tal-għażla.

NET News staqsa din id-domanda dwar il-Qorti ta’ Għawdex lill-Ministru Zammit Lewis wara li l-Estimi Finanzjarji ppreżentati mill-Ministru tal-Finanzi urew linja vojta maġenb il-wegħda tal-bini ġdid ta’ Qorti f’Għawdex. Linja vojta li tikkonferma kif għas-sena d-dieħla l-Gvern ma ddedika l-ebda ewro għal dan il-progett.

Iżda għall-Ministru tal-Ġustizzja, dan mhux xi żball fit-typing, iżda għax il-proġett għadu lura. U dan minkejja li l-proġett ilu mwiegħed mill-anqas mill-Budget għall-2015. Dakinhar, il-Gvern Laburista kien stima nefqa ta’ €400,000 għall-bidu tal-bini ta’ dan il-proġett.

L-iskużi mill-Ministru tal-Ġustizzja waslu fi tmiem konferenza tal-aħbarijiet li matulha kien akkumpanjat mis-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar.

Fid-dawl tal-possibbiltà imminenti ta’ reshuffle fil-Gvern ta’ Robert Abela, matul il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Zammit Lewis ipprova jiġġustifika l-ħidma tiegħu fl-aħħar 10 xhur billi ftaħar bl-ammont kbir ta’ Abbozzi ta’ Liġijiet li ppreżenta fil-Parlament.

U min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Cutajar qalet li l-influss tal-barranin, li fuqu l-Gvern Laburista bbaża l-Ekonomija tal-pajjiż, ħalla riżultati tajbin.