Lokali

FILMAT: Nirien f’impjant tal-Wasteserv fil-Marsa

"Id-dħaħen huma meqjusa tossiċi"

Ħadd ma weġġa’ wara li nirien ħakmu l-impjant tal-WasteServ fil-Marsa – nirien li żviluppaw għall-ħabta tas-7.15am.

Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili qattgħu sigħat jissieltu bl-inġenji tagħhom biex jikkontrollaw in-nar fi Sqaq il-Fdal tal-Ħadid.

Fid-dawl tal-periklu li kien hemm fil-post, l-operazzjoni biex jiġi kkontrollat in-nar involviet diversi sezzjonijiet mis-servizzi tal-emerġenza kemm mill-art kif ukoll mill-baħar. Dan apparti li ġew evakwati residenti minn djar qrib l-inħawi.

Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili avża lir-residenti ta’ Raħal Ġdid, il-Fgura, Ħal Tarxien u Santa Luċija biex iżommu t-twieqi tad-djar tagħhom magħluqin minhabba d-dħaħen tossiċi. Il-membri tal-CPD għenu wkoll lill-ħaddiema tal-WasteServ ineħħu l-vetturi tagħhom minn qrib in-nirien.

Minn informazzjoni li kiseb Net News jidher li n-nar beda biswit ħażna taż-żejt li hemm f’dan l-impjant fejn taħt l-art kien hemm ukoll numru ta’ ċilidri tal-gass. In-nar tant kien qawwi li għal ħin twil dehret daħna kbira tiela mill-Menqa tal-Marsa, li setgħet tidher minn diversi nħawi tal-pajjiż.

Aktar dettalji ‘l quddiem.

Ritratt: Christine Amaira
Ritratt: Noel Zammit
Ritratt: Noel Zammit
Ritratt: DOI