Żewġt aħwa miż-Żejtun ġew ikkundannati erba’ snin ħabs kull wieħed wara li nstabu ħatja li taw in-nar lill-karozza ta’ ħuhom. Il-każ seħħ fil-5 ta’ Marzu tas-sena l-oħra fiż-Zejtun stess bejn l-4.30am u l-5.00am.
Dan l-inċident kien seħħ wara argument tal-familja bil-Prosekuzzjoni tgħid li din ma kinitx l-ewwel darba li l-aħwa kellhom xi jgħidu. L-aħwa, Roderick Grech ta’ 35 sena u Errol Grech ta’ 40 sena u li joqgħodu fl-istess dar fiż-Żejtun instabu ħatja wkoll li għamlu hsara u għarrqu il-karozza VolksWagen Golf propjetà ta’ Rosario Grech.
Roderick Grech instab ħati wkoll li sar reċediv u li l-kondotta tiegħu hija waħda kkulurita u li fl-2014 kien wettaq reat fuq ħuh Errol Grech kif ukoll offiżi oħra fuq il-persuna.
Sadanittant il-Qorti qalet li Errol Grech ukoll għandu kondotta kkulurita u li fl-2014 kien wettaq reat fuq ħuh Roderick Grech, missieru Grazio Grech, kif ukoll offiżi oħrajn.
Apparti dawn, gie kkundannat ukoll fuq sewqan traskurat kif ukoll serq kwalifikat bil-vjolenz. F’kelma waħda l-inkwiet mal-membri tal-familja jidher liu baqgħu għaddejjin, anke jekk issa kkalmaw.
Il-Qorti qieset il-fatt ukoll li aktar minn ħames xhur wara l-vittma Rosario Grech meta reġa’ xehed fil-Qorti qal li l-affarijiet irranġaw bejniethom u ħafrilhom u saru hbieb mill-ġdid u xtaq iwaqqaf kollox.
Madankollu, minkejja din il-posizzjoni, il-Qorti qalet li dawn il-proċeduri ma jistgħux jiġu mwaqqfa minħabba l-fatt li legalment ix-xhieda tiegħu għadha valida u mill-istess xhieda qatt ma gew innegati jew mibdula l-fatti kif kien irrakkontahom il-vittma fl-ewwel deposizzjoni tiegħu.
L-Ispettur Anzjan Trevor Micallef kien qal fil-Qorti li l-vittma beża ’minn ħutu, speċjalment minn Roderick. Minn dak li ħareġ fil-Qorti Rosario Grech irraporta lill-Pulizija li ħutu, Roderick Greck u Errol Grech, kienu qegħdin jippruvaw ikkissrulu l-karozza tiegħu u jqabbduhielu.
L-Ispettur Anzjan Trevor Micallef stazzjonat fl-Għassa taż-Żejtun, fejn huwa qal li fil-5 ta’ Marzu 2019 għall-habta tas-6:00am, huwa ġie nfurmat li Rosario Grech kien allega li tnejn minn ħutu għamlulu hsara fil-Volkswagen tiegħu.
Qalilhom kif ukoll kien rahom jippruvaw jaharqu is-seat u x’ħin rahom jagħmlu dan, għajtilhom u telqu ‘l hemm u kien irnexxielu jitfi n-nar. Il-Pulizija marret fid-dar fejn joqghodu ż-żewg imputati li ġew arrestati;
L-ewwel kien ġie arrestat Roderick Grech u ftit tal-ħin u wara Errol Grech, minħabba li dan tal-aħħar kien fis-sakra. Ix-xhud spjega li huwa kien kellem lil Errol Grech wara li kellem avukat u wara ittieħdet ukoll l-istqarrija ta’ Roderick Grech, wara li dan kien għażel li ma jkellimx avukat.
Ix-xhud ikkonferma li kienu ittieħdu ritratti tal-karozza involuta u tal-lok tal-inċident minn ufficjali tat-taqsima forensika izda ma kienux setgħu jittieħdu impronti diġitali.
Qal wkoll li meta l-allegat vittma sema l-ħsejjes, ħareġ u rahom jaħarbu b’karrozza ta’ wieħed minnhom imbagħad ftit wara reġgħu marru fuq il-post u ġew innotati kokka jipprovaw jaharqu s-seat tal-karozza.
Rosario Grech qal li dak inhar kien rieqed id-dar meta sema xi ħsejjes bħal qishom daqqiet. Huwa ħareġ fil-gallarija jara x’kien qed jiġri u ra li l-karozza tieghu kellha mera minnhom kif ukoll il-windscreen imkissrin.
Fuq il-post seta’ jara lil ħutu u dak il-ħin ċempel lilll-Pulizija. Kompla jirrakkonta li madwar nofs siegħa wara reġa’ sema’ ħoss u meta ħareġ jittawwal, ra lil ħutu ħdejn il-bieba tal-passiġġier ta’ quddiem tal-karozza li kienet miftuħa.
X’hin għajjtilhom mill-gallarija, telqu minn fuq il-post. Huwa nduna li kien hemm xi duħħan ħiereġ mill-karrozza u niżel jiġri u tefa’ n-nar. Roderick Grech ċaħad u nnega li wettaq ir-reati u qal li fil-hin ta’ l-inċident kien rieqed fid-dar ta’ ommu.
Ikkonferma li dak il-lejl kien barra jixrob ma’ ħuh Errol Grech u li daħal id-dar jorqod fis-siegħat bikrin ta’ filgħodu. Huwa għażel li ma jweġibx għal ċertu mistoqsijiet.
Errol Grech ukoll ċaħad u nnega li wettaq ir-reat. Fil-ħin tal-inċident qal li kien Ħal-Ghaxaq ma’ ħuh Roderick f’bar jixorbu u wara mar id-dar għand ommu jorqod flimkien ma’ ħuh Roderick. Ikkonferma li dak il-lejl kien barra jixrob ma’ ħuh.
Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Nadine Lia qalet li karrozza kienet ipparkjata f’żona residenzjali qalb karozzi oħrajn. Ir-reat ġie imwettaq matul il-lejl, meta n-nies normalment ikunu reqdin u allura dan ir-reat seta’ faċilment sar mingħajr ħadd ma nduna bih.
Kien b’xorti tajba li l-vittma qam u nduna bin-nar u tfieh. Li kieku ma sarx hekk dan l-inċident seta’ faċilment aggrava malajr u nfirex b’detriment kbir għall-karozzi u residenti l-oħra fl-inħawi.
Jirriżulta li l-mottiv tar-reat kien għal kollox kapriċċjuż. Wara li l-imputati vvandalizzaw u għamlu l-hsara lill-vettura, rahom il-vittma, u ħarbu ‘l hemm, xorta reġgħu irritornaw u qabbdu bin-nar l-istess vettura.
Jirriżulta wkoll kompliet tgħid il-Qorti li minkejja li l-imputati ġew imwissija u ngħataw diversi opportunitajiet mill-Qrati sabiex jimxu fit-triq it-tajba, ripetutament għażlu li jagħmlu atti ta’ ħsara lil persuni oħra, b’mod partikolari, membri tal-familja taghhom stess.
Minn dak li rat u eżaminat il-Qorti jirriżulta li hija trid tara mhux biss l-aspett riformattiv ta’ l-imputati izda trid ssib bilanċ bejn il-gravità tal-każ u l-ħarsien u l-interessi tas-soċjeta in ġenerali sabiex tara li dan ir-reat ma jerġax jiġi kommess kif ukoll tagħti l-ħarsien meħtiega lill-pubbliku.
Il-Qorti sostniet li għandha responsabbilità tara li żżomm il-bilanċ bejn dak lihuwa fl-interess tas-soċjetà u dak li huwa fl-interess ta’ l-imputati. Madankollu saħqet li l-imputati ma jistgħux liberament jieħdu l-liġi b’idejhom b’dan il-mod u tara li fiċ-ċirkostanzi kollha tal-każ għandhom sservu piena karċerarja b’mod effettiv.
//= $special ?>