Coronavirus Lokali Qorti

Avukati, Maġistrati u Imħallfin fi kwarantina

X'qed jiġri fil-bini tal-Qorti?

Avukati, ħaddiema tal-Qorti, Pulizija u membri tal-ġudikatura jinsabu rrabbjati u nkwetati wara li l-Ħadd, irriżulta li persuna li kien tressaq aktar kmieni matul il-jum kien ħareġ pożittiv għall-Covid.

Jidher li fl-aħħar ġimgħat numru ta’ imħallfin, maġistrati u avukati kellhom joqħodu fi kwarantina… hekk kif is-sitwazzjoni fil-Qorti, bħal dik tal-pajjiż, qiegħda teskala.

B’uħud issa qed jiddeskrivu s-sitwazzjoni bħala waħda prekarja.

Wara l-episodju tal-Ħadd, persuni li ġew f’kuntatt mar-raġel, fosthom il-maġistrat, l-avukati, uffiċjali tal-Qorti, Pulizija, ġurnalisti u oħrajn ukoll iżolaw irwieħhom minn jeddhom wara li saru jafu bil-każ.

Diversi rreġixxew għal dak li ġara, fosthom avukati li saħqu li mhux talli huma ma ngħataw l-ebda benefiċċju meta dawn kienu qed jinħarġu mill-Gvern, talli lanqas huma kkunsidrati bħala frontliners, u baqgħu jaħdmu minkejja li l-ammonti ta’ każi pożittivi tal-Covid baqgħu telgħin.

Mistoqsi dwar din is-sitwazzjoni, il-Ministru tal-Gustizzja qal biss li hu jinsab kuntent bil-mod kif qed jahdmu l-affarijiet.

F’post fuq Facebook l-Avukat Veronica-Anne Spiteri inisistiet li l-avukati huma umani bħal kulħadd, suġġetti għal covid bħal kulħadd. Spiteri kitbet li s-sitwazzjoni fil-Qorti hija prekarja, u spjegat li għadd ta’ kollegi kif ukoll membri tal-ġudikatura kienu fi kwarantina.

Hi tenniet li dawk kollha li jaħdmu fil-Qrati mhumiex immuni għall virus u talbet azzjoni immedjata sabiex kull min jaħdem fil-Qorti ikun jista’ jagħmel dan f’aktar sigurtà u serħan il-moħħ.