Lokali Qorti

Disa’ xhur ħabs wara li ammetta li ffastidja u hedded lill-eks sieħba tiegħu

Raġel Brittaniku li f’Jannar tas-sena l-oħra kien tpoġġa taħt probation u ġie ordnat biex ma javviċinax u lanqas ikellem lill-eks sieħba tiegħu wara li ammetta li reġa’ ffastidjaha u heddidha

Huwa ġie kkundannat disa’ xhur ħabs u mmultat €500 mill-Maġistrat Ian Farrugia wara li ammetta li f’Ġunju li għadda reġa’ wettaq l-istess aġir. Martyn Paul Underwood ta’ 43 sena minn Birżebbuġa ammetta li ffastidja lill-eks sieħba tiegħu u kif ukoll li ħolqilha biża’ li se tintuża l-vjolenza fuqha.

Huwa nstab ħati li falla milli jaderixxi mas-sentenza li kien ingħata mill-Maġistrat Joe Mifsud fil-25 ta’ Jannar, 2019 u li naqas li josserva l-kundizzjonijiet il-kundizzjonijiet ta’ digriet li ngħata mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera fl-24 ta’ Mejju tas-sena l-oħra.

L-akkużat, li jaħdem u jgħix Malta ġie mwissi mill-Qorti fejn inħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni ta’ ħames snin favur l-eks sieħba tiegħu. Huwa ġie ordnat ukoll mill-Qorti li għall-ebda raġuni, anke meta jtemm il-perjodu ta’ karċerazzjoni m’għandu javviċina, jikkomunika jew b’xi mod jimmolesta lill-vittma.

Il-ħati kien ukoll qed jirċievi l-għajnuna biex jegħleb il-vizzju tax-xorb. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Melvyn Camilleri.