Lokali Qorti

Erba’ immigranti mixlija li ħarbu minn ċentri ta’ detenzjoni

rba’ immigranti li nhar il-Ħadd ġew arrestati mill-Pulizija wieġbu mhux ħatja li ħarbu miċ-ċentri ta’ detenzjoni. Fi stqarrija l-Pulizija kienet qalet li wieħed mill-Alġerini u tliet irġiel Marokkini ġew intraċċati fil-Ħamrun għall-ħabta tas-2pm.

Il-Pulizija tad-distrett tal-Belt Valletta u tal-Ħamrun, flimkien mar-Rapid Intervention Unit u l-Pulizija tal-Immigrazzjoni sabu lill-irġiel f’residenza fi Triq il-Kappillan Mifsud.

L-irġiel telgħu fuq il-bjut tar-residenzi ġirien f’attentat biex jaħarbu minn fuq il-post, iżda nqabdu minnufih, qalet il-Prosekuzzjoni. L-erbgħa kollha ġew akkużati li ħarbu miċ-ċentri ta’ akkoljenza, filwaqt li tnejn minnhom ġew akkużati wkoll li kisru l-paċi pubblika fil-Belt Valletta fl-24 ta’ Ottubru.

Huma wieġbu mhux ħatja, madankollu, ma talbux il-libertà proviżorja. Il-Qorti kienet preseduta mill-Maġistrat Marsanne Farrugia. L-Ispetturi Michael Vella u Doriette Cuschieri mexxew il-Prosekuzzjoni.