Lokali Qorti

Ħabs għall-koppja li abbużaw mill-vulnerabbiltà ta’ raġel li tahom €46,600

Koppja minn Marsaskala ġew ikkundannati ħames snin u nofs ħabs bejniethom wara li abbużaw minn persuna li kien vulnerabbli li tahom is-somma ta’ €46,600 bl-intendiment li jiftħu negozju u jixtru post meta fil-fatt dan ma kienx il-każ.

Saviour Camilleri kien spiċċa jgħix mal-koppja Joanne Ellul ta’ 41 sena u Reno Azzopardi ta’ 34 sena, li nstabu ħatja li qarrqu bih u li għamlu minn fuqu qliegħ illeċtu qabel Jannar tal-2007 fejn immisapproprjaw fondi għad-detriment tiegħu.

Ellul marret sentejn u nofs ħabs filwaqt li s-sieħeb tagħha Azzopardi ġie kundannat tliet snin priġunerija. Il-koppja kellhom problema tad-droga bil-mara wkoll kienet ukoll tipprostitwixxi ruħu. Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia.

Il-vittma qal fil-Qorti li sar jafhom wara li kien issepara mal-mara fejn ma kienx ħassu tajjeb u li dan kien għall-ħabta ta’ Diċembru tal-2004. Wara ftit żviluppa relazzjoni ta’ ħbieberija magħhom.

Aktar ma għaddha żmien tant beda jafdahom li eventwalment kera hanut tal-pastizzi sabiex jaħdmu n-negozju huma waqt li hu jiffinanzja il-proġett. Dan sar fuq ftehim verbali.

Ġara li fis-16 ta’ Awwissu 2006, Reno Azzopardi talabu is-somma ta’ LM1,746 (€4,065) mingħajr ma tah spjegazzjoni u r-raġuni għaliex riedhom u Camilleri ġibed u tah dawn il-flus fit-18 ta’ Awwissu, 2006.

Wara li gibed l-ammont oriġinali, Reno Azzopardi għal darb oħra talbu jiġbidlu LM4,500 oħra. Wara dan il-vittma sar jaf li Reno Azzopardi xtara mutur Kawasaki KBD623, karozza Rover convertable KAA053 kif wkoll Escort Mark1 JAO874.

Fir-rigward tal-LM4,500 (€10,480) il-koppja ma tawhx raġuni għaliex rieduhom. Spjega x-xhud li kienu wkoll ikkonvinċewh li kienu se jixtru post bi sħab u li kellhom bżonn l-LM4,500 għall-konvenju u li l-post kien f’Raħal Ġdid ħdejn iċ-ċimeterju fi triq sekondarja, pero rriżutla li dan ma kienx minnu.

Saviour Camilleri spjega li b’kollox ghaddielhom madwar LM20,000 (madwar €46,600) tul il-perjodu u dan wara diversi skużi differenti minn naħa tal-koppja.

Spjega wkoll li kienu jżommulu l-karta tal-identità, u l-Cashlink tal-bank bl-iskuża li jekk iżommhom hu, x’aktarx jitlifhom. Qal li hu qatt ma kien talabhom il-flus lura pero wasal biex għamel rapport mal-Pulizija wara l-insistenza tal-familjari tiegħu.

Sostna li wara sar jaf ukoll li l-imputati kellhom problemi bid-droga. Tenna wkoll li għandu l-kopji taċ-ċekkijiet li gew ukoll ippreżentati fil-Qorti. Huwa spjega li ma ħassux li seta’ jgħix waħdu u għalhekk kien qiegħed jgħix magħhom u kienu wkoll isajjrulu.

Qal li kien ukoll ħa ‘loan’ ta’ €500 sabiex jixtri forn minħabba li qalulu li kellhom bżonnu. Tenna li kieku ma kienx għall-pressjoni ta’ missieru, ħuh u l-qraba, ma kienx jiftah dawn il-proċeduri.

Huwa saħaq ukoll li l-akkużati kienu fi qbil miegħu li hu jagħtihom il-flus biex jinxtara post u jgħixu lkoll flimkien biex ikunu jistgħu jduru bih, iżda minflok hekk, xtraw xi vetturi bil-flus mogħtija lilhom minnu.

Il-Qorti qalet fis-sentenza tagħha li f’diversi okkażżjonijet, Saviour Camilleri kien jgħaddi l-flus lill-imputati wara talba li kienet issir lilu. Jekk eventwalment, dawn il-flus ma ġewx ritornati, dan ma kienx ifisser li hemm xi azzjoni kriminali minn naħa tal-koppja.

Hawnhekk, ir-relazzjoni bejn il-protagonisti kellha tibqa waħda ta’ dejn ċivili. U jekk kien hemm xi gideb minn naħa tagħhom – dawn weħidhom ma kienux biżżejjed biex javvera ruħu r-reat ta’ frodi.

Madankollu li huwa ċert li hemm okkażżjonijet oħra, fejn il-koppja, bil-komportament tagħhom u dan f’sens wiesgħa, ġew passabbli għar-reat ta’ appropriazzjoni indebita.

Meta l-imputati rċievew somom ta’ flus mingħand Saviour Camilleri, bl-intendiment car li jintużaw għax-xiri ta’ fond, iżda imbagħad użaw tali somom għax-xiri ta’ xi ħaġa oħra, bħal vetturi – dan ix-xenarju hu wieħed li jindika car li l-akkużati gew li kisru l-Artikolu 293 tal-Kapitolu 9 tal-Ligijiet ta’ Malta.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti kkunsidrat it-trapass taż-żmien, il-fatt li l-imputati kienu għaddejjin minn problemi soċjali kbar fejn it-tnejn kienu dipendenti fuq id-droga b’mod kritiku u li Joanne Ellul kienet ukoll maħkuma bil-problema tal-prostituzzjoni.

Madankollu l-Qorti ma tistax tinsa li huma abbużaw serjament mill-vulnerabiltà ta’ Saviour Camilleri; minghajr ma rrifondew xejn mill-flus li rnexxielhom jieħdulu, anki jekk il-Qorti temmen bis-sħiħ li huma qatt ma kienu f’qagħda tali li jistgħu jirrifondu lura dak li akkwistaw kontra l-liġi.

Għall-dawn il-motivi l-Qorti kkundannat lil Joanne Ellul għall-piena tal-priġunerija ta’ sentejn u nofs u lil Reno Azzopardi għall-priġunerija ta’ tliet snin. Fil-piena inflitta fuq Reno Azzopardi l-Qorti ħadet in konsiderazzjoni li huwa kiser ordni tal-Qorti. L-Ispettur Maurice Curmi mexxa l-Prosekuzzjoni.