Budget 2021 Lokali

“Il-bniedem huwa ċ-ċentru tal-politika tal-PN” – Bernard Grech

“Flimkien irridu nifdu lil dan il-pajjiż mill-korruzzjoni u nwaslu lill pajiżna għad-destinazzjonin li jmiss biex Malta tkun pajjiz fejn ahna ngħixu u nkunu kburin li aħna parti minn dan in-nazzjon.”

Kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fl-ewwel reazzjoni tiegħu għad-diskors tal-Prim Ministru Robert Abela fil-Parlament.

Fid-diskors li għamel Bernard Grech it-Tnejn filgħaxija, l-Oppożizzjoni kellha l-opportunità li turi l-viżjoni pożittiva li għandha għal dan il-pajjiż, fejn il-PN tassew jista’ jkun Gvern alternattiv.

Bernard Grech qal li l-Oppożizzjoni għandha rwol li tanalizza u tikkritika b’mod kostruttiv dak li jkun qed jagħmel il-Gvern. “Għandna l-ħila u l-kuraġġ li noffru lill-pajjiż il-possibbiltà li nkunu Gvern alternattiv. Aħna nistgħu nagħmlu dan fklimkien bħala partit u bħala pajjiż sħiħ.” Il-PN qed jibni l-viżjoni tiegħu fuq tnax-il-pilastru fosthom l-ambjent, is-saħħa u l-edukazzjoni.

Il-Kap tal-PN qal li flimkien nistgħu nagħmlu dan il-pajjiż aħjar. Saħaq li dan huwa żmien fejn ilkoll irridu nimxu flimkien magħqudin biex insalvaw lil dan il-pajjiż.

Bernard Grech qal li għandna Prim Ministru li qed jinħeba fuq l-Electrogas fejn qed jirrendi ruħu kompliċi u ma jaqbilx li jkun hemm inkjesta li toħroġ il-verità. Min-naħa l-oħra l-PN irid jaħdem u jimxi ‘l quddiem għall-ġid tal-poplu Malti kollu.

Dwar l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza, qal li dan huwa wieħed mill-ftit pilastri ekonomiċi li ħadem fuqhom il-Gvern ta’ Robert Abela. Min-naħa l-oħra l-viżjoni tal-PN turi kif l-ambjent għandna jsir mutur eonomiku li joħloq il-ġid.

Bernard Grech qal li l-PN kapaċi jasal f’sitwazzjoni fejn is-soċjetà tagħna tieħu ħsieb lil kulħadd biex ħadd ma jibqa’ lura, fejn f’soċjetà ġusta kulħadd ikollu l-opportunità li javvanza.

Sostna li l-persuna għandha dejjem tkun fiċ-ċentru tal-politika fejn dak kollu li nagħmlu nippjanawh biex il-persuna ssir l-aħjar verżjoni tagħha nnifisha. Għalhekk huwa importanti li jkollna ekonomija bbażata fuq il-kwalità u mhux fuq il-kwantità.

Fuq l-Unjoni Ewropea, il-Kap tal-PN qal li din ġabet differenza kbira għall-mod kif naħsbu fejn bdejna naħsbu aktar b’mod miftuħ. Fir-rigward tal-COVID, l-isħubija fl-Unjoni Ewropea tagħtna l-opportunita li nġibu fondi kbar.