“F’mument diffiċli għal kulħadd, l-amministrazzjoni tal-AirMalta ħadet l-opportunità biex flok tgħina, tkeċċi 69 bdot… dawn il-piloti qas jafu x’laqathom.” – Din kienet id-dikjarazzjoni iebsa tal-Assoċjazzjoni tal-Bdoti (ALPA) meta waqt laqgħa li kellhom mal-Kap tal-Partit Nazzjonalsita Bernard Grech semmgħu minn xix qed jgħaddu bħalissa.
Il-bdoti fakkru kif dejjem għamlu l-aħjar li setgħu biex iżommu l-Air Malta fl-aqwa stat possibbbli. Fakkru kif huma wkoll kienu frontliners, itiru lejn ajruporti oħra biex iġibu lejn Malta mediċina importanti għas-saħħa ta’ ħafna persuni. Dan qabel mal-Air Malta keċċiet nofs il-piloti tagħha.
Huma spjegaw kif dawk li tkeċċew spiċċaw f’sitwazzjoni li ma jistgħux ilaħħqu mal-commitments tagħhom, b’wħud minnhom kellhom joħorġu lit-tfal mill-iskola. “Dan qed joħloqilhom ħafna stress” qalet l-ALPA.
Bernard Grech minn naħa tiegħu qal li l-PN jinteressah ferm li jifhem eżatt minn xix għaddejjin il-bdoti. Saħaq li l-PN ser ikompli jżomm kuntatt magħhom għaliex irid li bħala partit jagħti s-sapport meħtieġ biex il-ħaddiema ma jingħatawx it-trattament li ngħataw fl-aħħar snin.
L-ALPA saħqet li dawn il-manuvri tal-Gvern ilhom għaddejin, mhux biss tkeċċijiet iżda anke daħħal ħaddiema ġodda fi skali għoljin, b’pagi kbar, mingħajr interviews.
Il-Kap tal-PN qal li jemmen li Air Malta hija strument importanti għall-ekonomija u t-turiżmu tal-pajjiż u stieden lill-Assoċċjazzjoni tal-Bdoti biex ikunu parteċipi flimkien mal-PN biex il-linja nazzjonali tal-ajru tagħna tissaħħah filwaqt li l-ħaddiema jingħataw ir-rikonoxximent meħtieġ tas-sagrifiċji li jagħmlu.
Il-bdoti saħqu li talbu laqgħat mal-Prim Ministru Robert Abela minn wara li tkeċċew il-ħaddiema iżda sal-lum il-Gvern baqa’ jaħrab milli jaffaċċjahom, anke jekk il-ħaddiema saru jafu li tkeċċew permezz ta’ email fil-11:30pm.
Huma saħqu li saħansittra kienu lesti li jnaqqsu l-paga tagħhom ġaladarba kulħadd fil-kumpanija jagħmel l-istess, iżda t-tmexxija tal-kumpanija ma ridetx li l-pagi tagħhom jonqsu. Il-bdoti spjegaw kif il-kumpanija qed tagħmel iktar telf issa li żammet nofs il-bdoti, milli li kieku żammet lil kulħadd b’paga imnaqqsa.
Preżenti għal din il-laqgħa, kien hemm il-Viċi Kap tal-PN u Kelliem għat-Turiżmu Robert Arrigo kif ukoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ekonomija Claudio Grech.
Ritratti: Matthew Tabone
//= $special ?>