Lokali Parlament

Il-Prim Ministru jindika elezzjoni “fi ftit xhur”

Il-Prim Ministru Robert Abela llejla indika li l-elezzjoni ġenerali li jmiss se ssir fi ftit xhur oħra meta fil-parlament qal li hu se jkun ġudikat miż-żgħażagħ ta’ 16-il sena propju “fi ftit xhur oħra”.

Meta kien qed iwieġeb għad-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-pandemija ma kinitx in-knock-out punch u sostna li l-gvern salva 100,000 impjieg u Malta saret il-pajjiż bl-inqas rata ta’ qagħad. Dan filwaqt li l-gvern ta €2.7 biljun f’għajnuniet f’sitt xhur u ma daħħal ebda taxxa ġdida. L-aqwa budget li qatt sar, sostna l-Prim Ministru, li kompla li “magħna taf fejn qiegħed”. Hu akkuża lill-Oppożizzjoni li kapaċi tagħmel biss ħsara u mhux ġid.

Robert Abela qal li l-gvern minn dejjem kien favur is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika għax il-gvern qed jalloka €12-il miljun għal dan is-settur. Malta kienet fost l-aktar nies protetti bit-tieni l-aktar pajjiż li għamel testijiet, sostna l-Prim Ministru, li kompla li t-tweġiba tal-PN għall-pandemija kienet l-elezzjoni għall-Kap. Hu qal fil-pandemija l-PN organizza din l-elezzjoni “bin-nies jaqbżu fuq xulxin” u akkuża lill-PN li jitkellem biss fuq korruzzjoni.

Il-miżuri restrittivi huma neċessarji f’dan il-mument wara li smajna wkoll lin-nies; nifhem li n-nies trid tgħix u nifhem li weġġgħajna in-nies u niskuża ruħi iżda dik kienet miżura neċessarja biex nipproteġu l-impjiegi, sostna l-Prim Ministru, li sostna li hu kien il-gym u ż-żgħażagħ qalulu biex ma jgħalqax il-gyms għax huma jridu jgħixu ħajjithom.

Il-Prim Ministru qal li Malta se tkun minn tal-ewwel li jkollha d-dożi disponibbli tal-vaċċin tal-CIOVID-19. Hu sostna li l-Gvern kien lest ukoll fil-qasam ekonomiku u ammetta kienu saru l-iżbalji. L-imsieħba soċjali ħadu dak li kien ħaqqhom u mhux dak riedu.

Il-Prim Ministru kkritika lill-gvern Nazzjonalista ta’ qabel l-2013 u qal li quddiem il-kriżi internazzjonali ta’ dak iż-żmien, il-gvern Nazzjonalista ħa miżuri ta’ awsterità. Il-gvern ta l-paga ta’ €800 biex kopra nofs il-paga medja fil-pajjiż; dan biex ma jitkeċċewx il-ħaddiema li jaqilgħu l-inqas.

Il-Prim Ministru ddefenda l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti u qal li l-gvern għamel due diligence iktar robust. Hu tkellem dwar il-miżuri li daħħal il-gvern fosthom il-vouchers, it-tnaqqis tat-taxxa tal-boll fuq il-propjetà, sar il-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika, allokazzjoni ta’ €28 fid-djar soċjali u t-tnaqqis fil-qagħad ta’ 1,200 f’nofs pandemija.

Il-Prim Ministru qal li l-gvern qed jagħti €16-il miljun f’tax refunds; dan hu investiment fil-familji biex jinħoloq il-ġid. Hu qal li l-pensjonanti ngħataw żieda ta’ tliet darbiet l-ogħli tal-ħajja u kompla li dan hu gvern b’ruħ soċjali.

Robert Abela sostna li l-gvern irid iwettaq il-wiegħda li l-anzjani jkollhom il-mediċini kollha b’xejn u żied li l-gvern daħħal l-iskema tal-carer at home biex l-anzjani jibqgħu jgħixu f’darhom. Hu qal li llum hu l-aqwa mument tal-prova għall-PL tul l-istorja ta’ 100 sena tiegħu. Il-gvern irid jiffaċilità l-mobiltà soċjali biex in-nies tavvanza ‘l fuq b’opportunitajiet.

Il-Prim Ministru kompla li l-PL jibqa’ favur il-klassi medja billi għin diversi kategoriji fosthom liż-żgħażagħ li jridu jixtru d-dar tagħhom. Hu sostna li l-PN qatt ma jista’ jaspira li jmexxi l-pajjiż u kompla li l-ekonomija kibret bid-doppju taħt gvern Laburista. It-tliet xhur li ġejjin se jkunu ta’ sfida iżda ninsabu lesti għalihom, iddikjara l-Prim Ministru, li wieħed li se jipproteġi l-impjiegi u lin-negozji. Hu qal li ż-żmien ta’ sagrifiċċji se jkun qasir u wara l-pajjiż se joħroġ minnha.

Robert Abela qal li hu jagħmel kuraġġ lin-negozjanti għax warajhom hemm l-aqwa gvern fl-istorja tal-pajjiż, li ġab l-aqwa pakkett finanzjarju mill-UE u hu l-gvern tal-governanza tajba li tiddistingwi lill-gvern Laburista. Aħna l-poplu tal-George Cross; magħna taf fejn qiegħed, irrimarka l-Prim Ministru, li kompla li issa jmiss l-investiment fil-qalba diġitali u fl-infrastruttura minħabba l-investiment li ġej lejn il-pajjiż.

Robert Abela kompla li l-ambjent u Għawdex huam f’qalb il-PL u sostna li daqt se jkun inawgurat it-tieni fibre optic cable biex ikun hemm xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin. Hu qal li l-faqar f’Għawdex naqas u sostna li ta direzzjoni lill-Bank tal-Iżvilupp biex 10% tal-proġetti jkunu f’Għawdex.

L-immigrazzjoni hi prijorità għall-poplu Malti; Malta hi full-up, sostna l-Prim Ministru, li qal li l-PN qed iħallat lill-immigranti tad-dgħajsa mal-infermiera barranin li jikkuraw lill-anzjani u l-pazjenti Maltin. Hu kkritika l-proposta tal-PN biex issir konferenza nazzjonali dwar l-immigrazzjoni u sostna li Malta mhix full-up għall-ħaddiema barranin li huma bil-permess. Il-Prim Ministru qal li l-gvern se jibgħat lura lill-immigranti rregolari li jiġu Malta bla permessi.

Il-Moneyval se ngħadduh, sostna l-Prim Ministru, li kompla li l-governanza tajba għandha tkun il-bażi ta’ demokrazija moderna u soda. Hu qal li l-mekkaniżmu elettorali dwar l-ugwaljanza tan-nisa fil-politika jrid ikun immedjat; il-gvern għandu l-abbozzi lesti biex din tgħaddi b’mod unanimu.

Il-Prim Ministru kompla li fi ftit xhur oħra se jkun ġudikat miż-żgħażagħ ta’ 16-il sena u sostna li l-pandemija fadlilha biss ftit xhur sakemm jiġi l-vaċċin; biex wara l-pajjiż jerġa’ jaħrab ‘il quddiem.