Lokali

Ir-residenti tal-lokalitajiet ta’ wara l-mina ta’ Ħal Kirkop qed ibatu l-konsegwenzi tal-inkompetenza tal-Gvern Laburista

Fi stqarrija tal-Partit Nazzjonalista, il-Kelliem tal-Oppozizzjoni ghat-Trasport u Mobilita’, Infrastruttura u Progetti Kapitali, Toni Bezzina, qal li “l-Gvern Laburista qed ikompli jikkonferma n-nuqqas ta’ pjan fit-tul wara x-xogħolijiet li qed isiru fit-toroq.”

L-istqarrija ħarġet wara li Infrastructure Malta ħabbret li se jinbeda xogħol fuq Triq Ħal Farruġ, triq li tintuża minn għadd kbir ta’ residenti taż-Żurrieq, Ħal Safi, l-Imqabba, l-Qrendi, Ħal Kirkop u Ħal Safi sabiex imorru minn u lejn it-tramuntana tal-pajjiż.

Il-PN saħaq li din it-triq se tingħalaq propju meta hemm Triq l-Imqabba, Triq is-Siġġiewi u Triq it-Tempesta fil-Qrendi, Vjal Blue Grotto fiż-Żurrieq u il-mini ta’ Ħal Kirkop li bħalissa qed isir xogħol infrastrutturali fuqhom. “Dan qiegħed joħloq inkonvenjent kbir għar-residenti tal-irħula msemmija qabel, li qed isibu diffikultà sabiex joħorġu jew jidħlu fir-raħal fejn jabitaw.”

Il-Partit Nazzjonalista għalhekk għandu l-viżjoni li Nissaħħu Flimkien għal pajjiżna għaliex l-infrastruttura, t-toroq u l-mezzi tat-trasport tagħna jimpattaw il-mudell tagħna għall-iżvilupp u b’mod fundamentali l-kwalita’ tal-ħajja tan-nies tagħna. Viżjoni li twassal lil pajjiżna għas-snin li ġejjin bi pjan fit-tul. Dan meta bl-inkompetenza tal-awtoritajiet qed jerfgħu l-piż għaliha r-residenti ta’ dawn l-irħula. “Għalhekk għandha ssir reviżjoni immedjata ta’ dawn ix-xogħolijiet u ssir aktar konsultazzjoni mar-residenti li se jiġu affetwati.” temmet tgħid l-istqarrija tal-PN.