Lokali Qorti

L-eks sieħeb ta’ Chantelle Chetcuti akkużat bil-qtil tagħha meħlus fuq pleġġ

Ir-raġel akkużat bil-qtil ta’ Chantelle Chetcuti, Justin Borg, ingħata l-libertà proviżorja. Borg huwa akkużat li ta daqqiet ta’ sikkina lil omm ta’ żewġt itfal, l-eks sieħba tiegħu, f’rasa waqt argument barra klabb tal-futbol f’Ħaż-Żabbar fi Frar ta’ din is-sena. Chetcuti mietet bil-ġrieħi serji li sofriet.

L-avukati ta’ Borg argumentaw li ma kien hemm l-ebda riskju ta’ kontaminazzjoni tal-provi peress li x-xhieda pajżana kollha xehdu, u dan kien ikkonfermat mill-prosekuzzjoni.

Fid-digriet tagħha, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello ddeċidiet li ma hemmx provi ċari u b’saħħithom li Borg se jikser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja.

Dwar dak li jħoss il- pubbliku inġenerali u fid-dawl tal-problema tal-vjolenza domestika f’Malta, l-Avukati osservaw li għaddew disa’ xhur mill-inċident, l-akkużat kellu u għandu rabtiet ma’ Malta, b’impjieg u żewġt itfal żgħar f’dawn il-Gżejjer, kif ukoll rabtiet familjari.

Qalu li l-ebda waħda mill-biżgħat imsemmija fil-kodiċi kriminali ma baqgħet teżisti. Huwa nħeles fuq pleġġ bil-kundizzjoni li jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija kuljum, josserva ‘curfew’ u ma jitkellimx jew javviċinax lill-familja Chetcuti sakemm mhux għal aċċess għat-tfal.

Justin Borg ta’ 33 sena qed jiġi mixli b’ħames akkużi, l-aktar gravi bl-omiċidju ta’ Chantelle Chetcuti ta’ 34 sena u omm ta’ żewġt ulied ta’ 10 snin u ta’ 15-il sena minn Ħal Safi.

L-omiċidju kien seħħ fi Triq is-Santwarju għall-ħabta 8.00pm– barra l-Każin tal-futbol ta’ Żabbar St.Patrick’s. L-akkużat huwa missier ulied il-vittma. Huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €25,000 u garanzija personali ta’ €20,000. L-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Francesca Zarb qed jidhru għal Borg.