Ekonomija Lokali Turiżmu

Nemmnu li l-bdoti għandhom jingħataw ir-rikonoxximent għal xogħlhom u jkunu parteċipi biex l-Air Malta tissaħħaħ – PN

“Aħna rridu li l-bdoti jkunu verament parteċipi biex l-Air Malta tibqa’ tissaħħaħ u tingħataw ir-rikonomixximent għax-xogħol siewi li bħala bdoti tagħmlu biex ittajjru l-linja nazzjonali tagħna.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta ltaqa’ ma’ delegazzjoni tal-Assoċjazzjoni tal-Bdoti ALPA.

Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista jemmen li l-linja nazzjonali tal-ajru tagħna hija strumenti u ferm importanti għall-ekonomija ta’ pajjiżna u għat-turiżmu. Għalhekk, il-PN jinteressah li jifhem dak li għaddejjin minnu l-bdoti u kif id-deċiżjonijiet ta’ ristrutturar fl-Air Malta li ttieħdu mill-Gvern Laburista qegħdin jolqtu lilhom u lill-familji tagħhom.

Il-President tal-ALPA Dominic Azzopardi spjega deċiżjonijiet fir-ristrutturar tal-Air Malta li laqtu direttament lill-bdoti u lill-familji tagħhom, u spjega kif f’Ġunju li għadda l-Air Malta keċċiet 69 bdot, li ġew infurmati biss b’komunikazzjonijiet li kienu qed jiġu ppubblikati matul il-lejl. Huwa qal li dawn il-bdoti mhux qegħdin jingħataw u lanqas jirċievu għajnuna finanzjarja mill-Gvern, u meta huma wkoll għandhom commitments finanzjarji bħal ħaddiema oħrajn, l-membri stess tal-ALPA qegħdin jagħtuhom l-għajnuna li jistgħu.

Matul il-laqgħa ntqal li l-bdoti kienu lesti li jaċċettaw tnaqqis fis-salarji sakemm dan il-piż jinġarr minn kulħadd, inkluż it-tmexxija tal-Air Malta, biex ma jitkeċċa ħadd u fi żmien meta l-ajruplani ma kienux qegħdin jittajjru. Intqal ukoll li l-ALPA kienet talbet li ssir laqgħa mal-Prim Ministru li ma baqgħet qatt ma saret. Dan meta llum kulħadd jirrikonoxxi li l-bdoti l-esperjenza u r-reputazzjoni tajba tal-bdoti Maltin.

Għal din il-laqgħa, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kien akkumpanjat mill-Viċi Kap tal-PN għall-Affarijiet tal-Partit Robert Arrigo u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ekonomija Claudio Grech. Filwaqt li d-delegazzjoni tal-ALPA kienet immexxija mill-President Dominic Azzopardi.