Lokali

“Raħħala fi kwarantina għandhom ikollhom protokolli differenti biex ma jbatux l-annimali” – PN

Ritratt: Martin Agius

“Raħħala bil-kwarantina minħabba l-COVID-19 qed jilmentaw li minħabba l-kwarantina li jinsabu fiha qed jispiċċaw ibatu l-annimali fl-irziezet tagħhom għaliex ma jkollhomx min ikun jista’ joħroġ jitma l-annimali. Għalhekk li raħħala li għandhom il-bhejjem u annimali oħra qed jitolbu li jkunu mgħotija protokolli li barra d-dmir tal-kwarantina jħares ukoll l-interess tal-annimali li jkunu wkoll taħt il-kustudja ta’ dawn ir-raħħala.”

Kien dan li ħareġ fi stqarrija mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Tisħiħ tal-Agrikoltura, Edwin Vassallo fejn żied jgħid li l-Partit Nazzjonalista ma jarax is-settur agrikolu bħala piż iżda qegħdin ipoġġuh bħala pilastru ekonomiku bil-viżjoni tal-Partit ‘Nissaħħu Flimkien’ biex l-agrikoltura tikkumplimenta l-bqija tal-mudell soċjo-ekonomiku tiegħu.

L-istqarrija tkompli li strateġija ekonomika li tiggrantixxi l-aċċess għall-ikel frisk u bnin u dħul diċenti lill-bdiewa u r-raħħala tagħn, strateġija ekonomika li tassew tirrispetta l-ambjent tippermettilna wkoll li nittrasformaw il-kampanja tagħna. Dan il-patt soċjali se jkun ibbażat fuq biedja li hija kemm aktar kompetittiva kif ukoll aktar sostenibbli.  

Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista qed isegwi t-talba ta’ dawn ir-raħħala u qed jara li jkun ta’ għajnuna f’kull ċirkustanza bħalma hija din sabiex naraw li bħala poplu nissaħħu flimkien u noħorġu rebbieħa.