Lokali Qorti

Sentejn ħabs oħra għall-frodist Duncan Buttigieg

Il-frodist Duncan Buttigieg ta’ 37 sena ġie kundannat sentejn ħabs oħra wara li ffalsifika ċekkijiet tal-HSBC fl-ammont li huwa ta’ mhux aktar minn €2330 għad-dannu ta’ diversi persuni.

Buttigieg, residenti Ħal Għaxaq ammetta l-akkużi kollha miġjubin kontrih li wettaq f’Novembru u Diċembru tal-2014 u fil-jiem u x-xhur qabel, ġewwa Ħal Qormi għamel użu minn żewġ ċekkijiet foloz u li sar reċediv.

Illi dwar il-piena li għandha tiġi mposta, il-Maġistrat Doreen Clarke qieset l-ammissjoni bikrija ta’ Buttigieg, iżda, l-Qorti kienet ġiet infurmata mill-Prosekuzzjoni li l-Imputat kien naqas li jagħmel il-hlas dovut lura lill-vittmi minkejja li kien gie mħeġġeġ jaghmel tajjeb għad-danni sofferti.

Il-Qorti wkoll ma tistax tinjora li l-imputat għandu fedina penali li tixbah volum ta’ ktieb. Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Roderick Agius.

Ta’ min isemmi li s-sena l-oħra l-imputat kellu s-sentenza ta’ 30 xahar ħabs imnaqqsa għal sitt xhur wara li l-Qorti kienet sabet li minkejja li kkommetta frodi, ma kienx ħati li għamel ammont ta’ flus b’mod inġust.

Buttigieg kien iffroda mat-€3,400 minn persuna wara li qal li kellu bżonn jagħmel operazzjoni fl-irkoppa fi sptar privat. L-akkużat kien ammetta li kkometta dan u ġie kkundannat 30 xahar ħabs, iżda appella mis-sentenza.

Lura fl-2015, Buttigieg kien ikkundannt 9 snin priġunerija wara li ammetta li ffroda mal-100 persuna aktar minn €120,000 f’taparsi depożiti għal karozzi impurtati mill-Ingilterra. Karozzi li qatt ma waslu għand il-klijenti. Sena wara kien instab li l-akkużat uża ċekk falz biex jixtri arloġġ tad-ditta, u kien weħel 6 snin ħabs.

Iżda l-Qorti Kriminali kienet sabet li ma kienx hemm provi biżżejjed biex Buttigieg ikun ikkundannat talli allegatament ‘sar sinjur’ b’mod inġust. Għalhekk din il-Qorti naqqset is-sentenza ta’ Buttigieg għal sitt xhur priġunerija, fosthom anke minħabba l-fatt li tibdil fil-liġi issa tippermetti dan. L-akkużat kien ordnat irodd it-€3,400 lura fi żmien tliet snin, xi ħaġa li naqas li jagħmel.