Lokali

“Żmien it-twissijiet għadda; l-aġir egoist għandu jiġi kkastigat”

“Bżonn li jmexxi bl-eżempju"

Iż-żmien ta’ miżuri ta’ edukazzjoni għadda, illum kulħadd jaf il-konsegwenzi tal-azzjonijiet tiegħu. Min jikser ir-regolamenti qed ikun egoist u ħaqqu l-pieni massimi.

Jisħaq dan il-ġurnal The Malta Independent fl-editorjal tat-Tnejn hekk kif ritratti ta’ ġemgħat ta’ nies miġbura fil-Bajja ta’ San Ġorġ qanqlu tħassib u rabja fost ħafna.

L-Editorjal jinsisti li filwaqt li kulħadd hu responsabbli ta’ għemilu, l-awtoritajiet, b’mod partikolari il-politiċi, iridu jmexxu bl-eżempju.

Ifakkar kif il-Ministru tal-Intern qal li hu kien irrabjat b’dak li ra….. iżda l-editorjal jghid li fir-realta’ hu fatt magħruf li f’Paceville hemm bżonn preżenza qawwija ta’ Pulizija, issa iktar minn qatt qabel, sabiex ikun hemm deterrent għal ġemgħat bħalma rajna l-ġimgħa li għaddiet.

Kritika oħra hi dik li l-politiċi mhux qed jilbsu l-maskri biex jitkellmu taħt l-iskuża tal-eżenzjoni mill-public speaking. L-Editorjal jgħid li dan imur kontra l-messaġġ li qed jintbagħat lill-pubbliku sabiex jilbes il-maskri kemm jista’ jkun il-ħin kollu.

Fakkar ukoll fil-kumment tal-PM Robert Abela lura f’Mejju li għadda li ried mekkaniżmu sabiex jinħafru l-multi u li min diġa’ ħallashom, jingħata rifużjoni.

Dan il-kumment kien qanqal reazzjoni ta’ rabja fost l-assoċjazzjonijiet tal-pulizija u ufficjali tal-komunita’ li jipprovaw jinforzaw ir-regolamenti, b’sogru kbir għalihom..

L-Editorjal temm bit-tama li l-Prim Ministru ma jerġax jirrepeti l-istess żball.