Lokali Parlament

Budget nieqes mill-istrateġija dwar il-bini

Kevin Cutajar, PN

Id-deputat Nazzjonalista Kevin Cutajar qal li minkejja l-kontribuzzjoni li s-settur tal-kostruzzjoni qed jagħti għall-ekonomija tal-pajjiż, dan il-budget hu nieqes minn strateġija dwar il-bini.

Fid-dibattitu parlamentari dwar l-estimi tal-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Kevin Cutajar qal fl-Awtorità tal-Artijiet għandu jkun hemm l-informazzjoni dwar kemm hemm espropiji u kemm hemm nies li għad għandhom jieħdu. Problema oħra hi l-ħlas relatati mal-iskema tal-home ownership fejn fl-estimi hemm allokazzjoni ta’ €200,000. Hemm nies li ilhom ibatu inġustizzji għal snin twal, sostna d-deputat Nazzjonalista li kompla li hemm problema bil-kwistjoni tal-artijiet agrikoli.

Hu staqsa għaliex hemm dewmien biex it-trasferimenti jseħħu fuq kwistjonijiet li jkunu ilhom għaddejjin is-snin. Fuq in-naħa tal-Awtorità m’hemm informazzjoni korretta dwar l-art mikrija; il-ftit bdiewa li fadal ftit qed isibu kuraġġ minħabba li ma jafux x’titlu għandhom.

Dawn l-artijiet huma l-ftit spazji miftuħa li fadal, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li f’Għawdex hemm ħafna għelieqi mitluqa. Hu qal li l-proċessi qed itulu anki meta n-nies imorru jissellfu mill-banek għaliex m’għandhomx it-titli neċessarji.

Id-deputat Nazzjonalista semma’ l-każi b’lura u qal li dawn għandhom jissolvew.

Hu tkellem dwar il-kostruzzjoni u qal li f’dan iż-żmien diffiċli dan is-settur baqa’ miexi mingħajr il-ħtieġa ta’ għajnuna mill-gvern bħal ħafna setturi oħra. Hemm problema minħabba nuqqas ta’ regolamentazzjoni fuq is-settur; liema problema qed toħloq sfidi kbr fuq l-operaturi u fuq min imexxi dan is-settur. Il-problema hi r-riżorsi, sostna Kevin Cutajar, li qal li l-gvern mhux jagħti riżorsi biżżejjed lil dawn l-awtoritajiet.

Il-budget kellu nmru ta’ riferenzi għal dan is-settur b’aspetti pożittivi biex dan is-settur jimxi ‘il quddiem iżda kien hemm aspetti oħra negattivi. L-Awtorità tal-Kostruzzjoni għad ma waslitx għalkemm ilha mwiegħda diversi snin flimkien mal-Kodiċi tal-Liġijiet tal-Bini. Is-settur tal-real estate jrid ukoll jingħata prijorità biex fil-kuntest tal-Moneyval il-pajjiż jgħaddi minn dan l-eżami importanti.

Id-deputat Nazzjonalista qal li dan hu budget nieqes mill-istrateġija għall-bini; liema settur kompla jgħin biex fi żmien il-pandemija l-pajjiż ma jkomplix jgħodos ‘l isfel. M’hemm l-ebda garanzija li dan is-settur se jibqa’ b’saħħtu kif inhu.