Coronavirus Lokali Saħħa

COVID-19: 75 każi ġodda – ifiqu 74

Tissokta l-pressjoni fuq is-sistema tas-saħħa ta’ pajjiżna kawża tal-imxija insistenti tal-Covid-19 bl-aħħar tminnt ijiem jaraw żieda ta’ 889.

Dan wara li fuq il-paġna ta’ Saħħa tħabbar li fl-aħħar 24 siegħa fil-Gżejjer Maltin ġew irreġistrati 75 każ ġdid ta’ Covid-19 bil-każi attivi jibqgħu dawk ta’ 1,927.

Minn Marzu s’issa t-total ta’ każi pożittivi ta’ Coronavirus jammonta għal 5,977.

Bejn it-Tlieta u l-Erbgħa fiequ 74 persuna sabiex it-total ta’ persuni mfejqa żied għal 3,949.

Skont kif maħruġ mill-Ministeru għas-Saħħa mill-107 każ mħabbar tul il-jum tat-Tlieta; 11 kienu qraba ta’ persuni li ttestjaw pożittiv preċedentament, 4 każi minn fuq il-post tax-xogħol, 8 każi kellhom kuntatt dirett ma’ persuni pożittivi, 6 każi minn attivitajiet soċjali u każ ieħor importat.

Dan ifisser li 77 mill-każi mħabbra t-Tlieta, ma kellhomx idea minn fejn jew mingħand min setgħu ġew infettati.

Dan filwaqt li l-vittmi ta’ Covid-19 f’pajjiżna telgħu għal 56 wara li l-Erbgħa filgħodu ġie mħabbar mill-Ministeru għas-Saħħa li mara ta’ 89 sena tilfet ħajjitha kawża tal-virus.

Il-mara kienet iddaħħlet l-Isptar Mater Dei ħamest ijiem ilu fejn dakinhar stess ittestjat pożittiva għall-Covid-19.

Bħal ma hi drawwa fl-istqarrija tal-Ministeru tas-Saħħa li ħabbret il-mewt tal-mara intqal ukoll li din l-aħħar vittma kienet tbati minn mard kroniku ieħor.