Internazzjonali

Covid-19: Il-Ġermanja u Franza resqin lejn il-lockdowns ġodda għal Novembru

Il-Ġermanja u Franza huma fost il-pajjiżi li qed iħejju għal fażi ta’ lockdown ġdida għax-xahar ta’ Novembru. Il-Ġermaniżi qed isegwu miżuri li jillimitaw b’mod aktar effettiv il-movimenti tal-pubbliku, waqt li l-Franċiżi qed jistennew lockdown li jibqa’ validu għal erba’ ġimgħat ‘iżda li mgħandux ikun riġidu daqs il-lockdown tar-rebbiegħa.’

Il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel qed tiddeċiedi – flimkien mal-Mexxejja tal-Istati Ġermaniżi – jekk għandhomx jingħalqu l-ħwienet tax-xorb, il-lukandi u ċ-ċentri tad-divertiment biex il-pajjiż jikkontrolla aħjar iż-żieda fl-infezzjonijiet.

Intant, ma laħqux tħabbru d-dettalji tal-miżuri li qed jittieħdu fi Franza.

L-infezzjonijiet bil-Covid-19 madwar l-Ewropa, issa, kważi laħqu l-livell allarmanti tal-ewwel mewġa, li laqtet aktar kmieni fis-sena. Intant, hu wkoll minnu li t-testijiet tan-nies saru aktar estensivi.

Il-curfews ta’ bil-lejl qed ikunu nfurzati f’numru ta’ pajjiżi, iżda l-membri tal-Gvern Franċiż qegħdin jilmentaw li l-curfews li suppost jaffettwaw lil xi 46 miljuni ‘naqsu milli jwaqqfu l-laqgħat soċjali’.

Intant, il-Kunsill tad-Difiża u l-Kabinett fi Franza, fl-aħħar sigħat, kienu qed jiddeċiedu ‘sa fejn għandu jasal’ il-lockdown ta’ erba’ ġimgħat. Dan fost suġġerimenti li l-iskejjel se jkomplu bil-lezzjonijiet u li t-tfal ta’ ċertu età u l-universitajiet se jkunu inkoraġġuti għall-eżerċizzji ta’ studju online.

Il-bidliet fi Franza, fil-fatt, jistgħu jibdew ikunu implimentati minn għada bil-lejl, wara li l-pajjiż irreġistra 523 mewta mill-Covid-19 għall-ġurnata tat-Tlieta – bi kważi nofs l-imwiet iseħħu fi djar għall-anzjani.

Mill-banda l-oħra, il-Gvern tal-Ġermanja hu ħerqan li jwassal għal sitwazzjoni fejn il-familji u l-ħbieb jistgħu jiltaqgħu għal żmien il-Milied – iżda l-infezzjonijiet ta’ kuljum f’dan il-pajjiż telgħu għal livell għoli ġdid (14,964 każ) b’85 mewta oħra jkunu konfermati fl-aħħar sigħat.

L-iskejjel se jibqgħu miftuħin fil-Ġermanja, iżda t-turiżmu se jieqaf u għandhom jagħlqu s-swali taċ-ċinema, it-teatri u l-kumplessi tad-divertiment. It-tattoo u massage parlours se jagħlqu wkoll, iżda l-ħwienet tax-xagħar fil-pajjiż ingħataw il-permess biex jiftħu bħas soltu.

L-Irlanda, il-ġimgħa l-oħra, imponiet il-miżuri iebsa bil-ħsieb li ‘tirristawra ftit tan-normalità qabel il-Milied’. L-Italja, fl-aħħar jiem, għalqet il-kumplessi taċ-ċinema u l-gymnasiums f’tentattiv ‘biex issalva l-Milied’ u issa l-Gvern tar-Renju Unit jinsab taħt pressjoni biex jagħmel l-istess.

L-awtoritajiet fir-Russja, issa, qegħdin iwissu dwar sitwazzjoni kritika fir-rigward tal-kapaċità għas-sodod tal-isptar f’sittax-il reġjun tal-pajjiż. Il-kriżi tal-Covid-19 issa tirrikjedi biex in-nies jilbsu l-maskri dejjem fil-postijiet pubbliċi ffullati madwar il-pajjiż.

Sadanittant, il-Polonja ħabbret 18,820 każ ġdid ta’ infezzjoni bil-coronavirus u 236 mewta. Dan waqt li Spanja kkonfermat 267 mewta oħra bl-infezzjoni għal ġurnata waħda u li hi l-ogħla ċifra ta’ vittmi f’perjodu ta’ 24 siegħa mill-1 ta’ Mejju.