Lokali Qorti

“Fuq il-‘handover’ li ngħata lili minn Abdilla nixtieq nixhed bil-magħluq” – l-Assistent Kummissarju Mamo

“Dwar il-‘handover’ li ngħatajt mill-predeċessur tiegħi fit-Taqsima tar-Reati Finanzjarji Ian Abdilla nixtieq li nixhed bil-magħluq. Meta dħalt fil-pożizzjoni sibt xi xogħol li kien waqa lura”.

Dan ħareġ mix-xhieda ta’ l-Assistent Kummissarju Alexandra Mamo fl-inkjesta pubblika ta’ Daphne Caruana Galizia wara mistoqsija li saret mill-Bord preseduta mill-Imħallef Emeritus Michael Mallia, l-eks Prim Imħallef Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro.

Sadanittant qalet li x-xogħol huwa wieħed kbir li daħlet għalih u li fost oħrajn infetħu għadd ta’ investigazzjonijiet kriminali miċ-chats ta’ Yorgen Fenech, qalet Mamo lill-Bord.

L-Avukat Therese Comodini Cachia staqsiet jekk dawn il-provi u l-investigazzjonijiet li qed isiru issa setgħux isiru b’mod parallel mal-inkjesta tal-maġistrat jew kellhomx jistennew li tintemm l-inkjesta. Mamo qalet li anke fuq dan xtaqet li tixhed mil-magħluq.

Mamo saħqet li jridu jagħmlu sforz biex sal-aħħar ta’ Novembru jkunu analizzaw u evalwaw informazzjoni voluminua li għandhom f’idejhom il-Europol.

Din id-data hija sabiex il-Europol jiġu jesebixxu din l-informazzjoni fil-proċeduri kontra Yorgen Fenech. Hija qalet li din l-informazzjoni għandha tkun waħda utli għall-istess Bord ta’ Inkjesta.

Meta bdiet tagħti x-xhieda tagħha bil-magħluq u l-ġurnalisti u l-membri tal-pubbliku ntlabu joħorġu l-barra, ftit wara l-istess ġurnalisti ntalbu jerġgħu jidħlu u hawn tħallew jisimgħu lil Mamo tgħid li fl-4 ta’ Awwissu hija xtaqet tiltaqa’ mal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia, u li anke l-Kummissarju xtaq li ssir din il-laqgħa.

F’din il-laqgħa li saret fosthom mat-tifel ta’ Daphne, Matthew, qalet li nnutat li “his eyes spoke volumes.” Tgħid li anke bħala sapport, tħossha fid-dover li titkellem miegħu fuq l-investigazzjonijiet.

Qalet hawn li lill-vittma tagħtiha importanza kbira, billi temmen li l-familjari tal-vittma għandhom dritt ikunu jafu fhiex waslu l-investigazzjonijiet. Saħqet li fil-ġimgħat jew jiem li ġejjin, se terġa’ ssejjaħ laqgħa mal-familja Caruana Galizia, speċjalment ma’ iben Daphne, Matthew, bil-Kummissarju jaqbel perfettament ma’ dan.

Alexandra Mamo bdet ix-xhieda tagħha billi qalet li f’Ġunju li għadda Mamo kienet maħtura mill-Kummissarju Angelo Gafa bħala l-Kap fit-taqsima tar-Reati Finanzjarji (FCID) wara li kienet ħadet post Ian Abdilla.

Fit-22 ta’ Ġunju qalet li kien bagħat għaliha l-Kummissarju Gafa li bagħat għaliha. Gafà, ċemplilha biex jiltaqgħu l-għada. Qalilha li għandu l-fiduċja fiha biex tmexxi d-Dipartiment tar-Reati Finanzjarji.

Hija qalet li dak il-ħin ħassitha ixxukkjajta għax aktar familjari mad-dipartiment tal-familja, iżda qalet li hija żammet f’moħħha l-interess tal-Pulizija u ta’ Malta u aċċettat il-proposta.

Kompliet tgħid li kien f’Lulju li bdiet il-ħidma tagħha f’dan id-dipartiment. Għall-ewwel kienu stazzjonati l-Kwartieri Ġenerali imma fit-8 ta’ Settembru mxew għal post ġdid f’Santa Venera fejn hemm id-dipartiment kollu taħt binja waħda.

Id-dipartiment huwa maqsum f’żewġ skwadri maġġuri: il-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu, u l-iskwadra l-oħra fuq ir-reati ekonomiċi. Taħtha jaqgħu bejn 92 u 95 persuna u hawn tagħat dettalji konċiżi kif jaħdmu dawn l-iskwadra fejn jinkludu diversi Supretendent u Spetturi.

Mistoqsija mill-Bord jekk hijiex kuntenta fejn jidħlu riżorsi, qalet li jkollok kemm ikollok qatt mhuwa biżżejjed. Qalet ukoll li hemm task force li taħdem mas-CID u l-Europol li qed jaħdmu fuq l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Mamo qalet li l-investigazzjonijiet jibdew minn rapporti tal-FIAU, u dan jinkludi wkoll ir-rappurtaġġ mill-midja. Dan hu l-ewwel livell. Imbagħad jiġu assenjati l-uffiċjali, skont il-livell tal-każ. Flimkien mal-Ispetturi u s-Supretendent janalizzaw ir-rapport – jaraw x’hemm bżonn isir biex tissaħħaħ l-evidenza.

Jekk jaraw li jeħtieġ li ssir talba għall-informazzjoni, dan isir. Ġieli, wkoll joħorġu ordnijiet għal investigazzjoni, skont il-każ. Mamo qalet li dan huwa proċess li jieħu fit-tul.

Wara li jinġabru l-provi kollha, il-pass li jmiss ikun li jintalab mandat t’arrest u ta’ tfittxija, u jiġu interrogati l-persuni ta’ interess. Wara ssir l-interrogazzjoni, u jekk ikun hemm biżżejjed provi, il-persuni jitressqu l-Qorti.

Qalet li jekk ikollhom bżonn ikomplu jinvestigaw, il-persuni inkwistjoni jingħataw il-police bail. Mamo bdiet proċedura li kull nhar ta’ Ħadd issir laqgħa ta’ aġġornament fuq diversi każijiet maġġuri fuq il-progress li jkun sar fl-investigazzjonijiet, x’qegħdin jaħsbu l-investigaturi u aktar.

Kompliet tgħid li jsiru laqgħat qabel, waqt u wara kull investigazzjoni. “Naddottaw il-“four eye rule” sabiex ma narax il-kwistjoni jien biss u nista’ ngħid li għandna relazzjoni tajba ħafna mal-FIAU u mal-Avukat Ġenerali” kompliet tgħid ix-xhud.

Saħqet li jiddiskutu fhiex waslet l-investigazzjoni, meta se jwettqu l-ħidma nfisha u meta se ssir l-interrogazzjoni. Mamo qalet li ma tafx jekk qabel bdiet hi, il-proċedura kinitx l-istess. Tgħid li meta bdiet hija sabet għexieren ta’ investigazzjonijiet għaddejjin li kollha kienu attivi.

Mamo qalet li sabet xi xogħol li waqa’ b’lura. Kull investigazzjoni hi importanti, madankollu hi tat prijorità lil xi investigazzjonijiet, partikolarment li huma involuti fihom xi politiċi (PEPs). Qalet li lill-Kummissarju tal-Pulizija hija żżommu nfurmat b’dak kollu li qed jiġri.

Fil-laqgħat tal-Ħadd, l-ispetturi investigattivi jibagħtulha email bil-progress li jkun sar fil-każ. Kien hawn li ġiet mistoqsija jekk Ian Abdilla tahiex handover, wieġbet fl-affermattiv, iżda qalet li xtaqet tkompli tagħti informazzjoni fuq dan fil-magħluq.

Mistoqsija jekk Ian Abdilla kienx iżomm fajls Ian Abdilla, hija qalet li ma tafx. Mamo qalet ukoll li qegħdin jaħdmu ħinijiet twal fuq il-Moneyval. L-aktar Supretendent involut huwa Frank Tabone. Qed jgħinuha bil-ġbir ta’ statistika, u għandhom laqgħat kontinwi mal-NCC. Jissottomettu wkoll ir-rapporti.

Panama Papers bdew mir-rapporti li saru fil-ġurnali, fil-blogg ta’ Daphne Caruana Galizia. Mistoqsija mill-Bord fuq il-Panama Papers li bdew mir-rapporti li saru fil-ġurnali, fil-blogg ta’ Daphne Caruana Galizia, qalet li ma tistax tikkummenta fuq x’sar dak iż-żmien peress li ma kinitx involuta hi.

Tista’ tgħid kienx qed isir hekk taħt Ian Abdilla, imma fil-privat. Mamo tgħid li dwar dan il-każ, hija sabet kolli fi stadju ta’ żewġ inkjesti maġisterjali.

Waħda minnhom ingħalqet f’Settembru mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, li l-Pulizija għadhom għaddejjin jinvestigawha minn sbieħ filgħodu sat-tard bil-lejl.

B’rabta ma’ dan, fil-21 ta’ Settembru talbu mandat t’arrest u tfittxija meta ġew arrestati u interrogati 4 persuni: Keith Schembri u tloet persuni minn Nexia BT. L-inkjesta l-oħra għadha għaddejja mill-Maġistrat Josette Demicoli, u tinsab fi stadju kruċjali.

Dawn iż-żewġ inkjesti jissejjħu Operation Green.  L-apparat elettroniku li ttieħed minn Yorgen Fenech għandhom kopja tiegħu u kull chat qed tiġi analizzata, evalwata, u jekk ikun opportun tinfetaħ investigazzjoni kriminali fil-konfront tal-persuna, persuni jew entità, qalet ix-xhud. Qed issir ukoll diskussjoni fuq dan mal-Kummissarju tal-Pulizija.

Kompliet tgħid li fid-9 ta’ Lulju laqqgħet lill-ispetturi, meta Mamo talbithom biex waqt l-investigazzjoni jżommu quddiemhom l-interess aħħari tal-Korp u l-ġuramenti li ħadu, mingħajr ma jħarsu lejn uċuħ.

Qalet li għamlet dan biex jekk kien hemm xi ħadd li ma jħossux aktar komdu li jibqa’ jagħmel parti mill-iskwadra, ikellimha sabiex jiġi trasferit. Laqgħa oħra saret fl-14 t’Ottubru ħasset il-ħtieġa li ssejjaħ laqgħa oħra. u dwar din il-laqgħa qalet li riedet ukoll tixhed fil-privat.

Ix-xhud qalet li tinsab sodisfatta bix-xogħol li għaddej u qalet li kulħadd xammar il-kmiem mill-kbir saż-żgħir. Dwar l-informazzjoni li qed janalizzaw tal-Europol sostniet li hija waħda voluminuża.

F’isem il-familja Caruana Galizia qegħdin jidhru l-Avukati Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi. Is-seduta li jmiss se ssir nhar il-Ġimgħa li ġej fid-9.30am, meta għandu jixhed l-eks Avukat Ġenerali, Peter Grech.