Lokali

“Gvern li jiddefendi l-korrotti u li jaħbi s-serq tagħhom” – Repubblika

Repubblika tqis li l-vot tal-membri tal-Gvern kontra inkjesta pubblika biex toħroġ il-verità dwar il-kuntratt maħmuġ tal-Electrogas, u li issa jidher li jista’ jkun imċappas b’demm Daphne Caruana Galizia, hu insult lill-poplu Malti u daqqa ta’ ħarta lid-demokrazija.

Fi stqarrija, l-għaqda Repubblika qalet li l-Prim Ministru Robert Abela u l-Gvern iridu jifhmu li dmirhom huwa lejn iċ-ċittadini u mhux li jiddefendu lil sħabhom il-korrotti Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri.

Dan il-vot jikxef l-ipokrezija ta’ dawk li jxerdu d-dmugħ tal-kukkudrilli u li biex jidhru sbieħ joqgħodu jgħidu kemm iħossuhom traduti, li mhumiex parti mill-kitchen cabinet, li ma jafux x’kien għaddej jew li ma jiftakrux.

“Aħna iċ-cittadini għandna d-dritt li nkunu nafu l-verità sħiħa dwar kif, minn min u fejn qed ninsterqu. Robert Abela għandu obbligu lejn il-poplu u lejn is-sewwa.  Sħabu għandhom id-dmir li jqumu fuq saqajhom u ma jkunux beżżiegħa.”

Repubblika qalet li mhix se tieqaf qabel ma toħroġ il-verità kollha u sakemm kull min kellu sehem fil-ħmieġ tal-Electrogas jirrispondi għall-għemilu.