Lokali

“Ħidma qawwija favur Malta”

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kellu l-ewwel laqgħa tiegħu mas-Segretarju Ġenerali  tal-Partit Popolari Ewropew Antonio Lopez Istruiz.

Fill-laqgħa virtwali ma’ Lopez li għaliha attendiet ukoll is-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalist Rosyln Borg Knight, Antonio Lopez feraħ lil Bernard Grech għall-elezzjoni tiegħu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista u fakkar kif ir-relazzjonijiet tiegħu u tal-PPE mal-Partit Nazzjonalist storikament dejjem kienu tajbin ħafna.

Hu faħħar is-suċċessi tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew… fosthom il-ħatra ta’ Simon Busuttil bħala Segretarju tal-grupp tal-PPE, in-nomina ta’ Roberta Metsola għal Viċi President tal-Parlament Ewropew.. u l–elezzjoni ta’ David Casa bħala Questor… u qal li l-pożizzjonijiet prestiġġjużi li kisbu l-Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Nazzjonalista jixhdu il-kapaċitajiet tagħhom.

Lopez tkellem dwar il-ġlieda li qed jagħmel il-poplu Malti kontra Gvern korrott u esprima t-tama li xi darba naraw il-ġustizzja sseħħ… filwaqt li assigura lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista li  se jibqa’ jkun ta’ spalla għall-Oppożizzjoni Maltija f’din il-ġlieda.

Dwar dan … il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li se jkun qed jaħdem bla heda biex iċ-ċittadini Maltin jifhmu li huwa d-dmir ta’ kull wieħed u waħda minna li ngħinu biex ikunu solvuti l-problemi marbuta mal-governanza f’pajjiżna.

Bernard Grech irringrazzja lil Antonio Lopeż tas-sostenn tiegħu fil-ġlieda tal-Maltin kontra l-governanza ħażina u t-theddida fuq is-saltna tad-dritt. Huwa qal li pajjiż fejn is-saltna tad-dritt mhix taħdem mhuwiex pajjiz sigur.

Bernard Grech qal li l-Maltin u l-Għawdxin jixirqilhom pajjiż sigur għaliex b’hekk biss inkunu nistgħu niffukaw l-enerġija tagħna fuq il-futur tal-poplu kollu.