Internazzjonali

Id-digriet dwar l-abort kompla joħloq it-tensjoni fil-Polonja

Numru kbir ta’ nisa Pollakki ngħaqdu fi strajk biex jesprimu oppożizzjoni għal digriet tal-qorti li konvalida projbizzjoni kważi totali għall-abort f’dan il-pajjiż ta’ maġġoranza Kattolika.

L-azzjonijiet ikkaratterizzaw is-seba’ jum konsekuttiv ta’ dimostrazzjonijiet kontra d-deċiżjoni biex isiru ‘illegali’ il-proċessi għat-tmiem tat-tqala fuq bażi ta’ difetti tas-saħħa serji.

Intant, fil-Parlament ta’ Varsavja seħħew il-konfronti bejn ir-rappreżentanti tal-Gvern u d-deputati tal-Oppożizzjoni li xejjru kartelluni b’messaġġi bħal ‘Tal-Mistħija’ u ‘Din hija Gwerra’.

Jaroslaw Kaczynski, il-Kap tal-Partit għal-Liġi u Ġustizzja, fil-Gvern, qal li d-deċiżjoni kontroversjali ma tistax tiddawwar lura.

Kaczynski, li hu wkoll il-Viċi-Prim Ministru Pollakk u li hu kunsidrat minn ħafna bħala ‘l-aktar politiku influwenti fil-Polonja’, sostna li l-protesti inkwistjoni ‘huma attentat biex ikissru lill-Polonja’. Hu ħeġġeġ biex in-nies  ‘jiddefendu’ lill-pajjiż, kif ukoll lill-Knisja Kattolika.

Id-digriet speċifiku li qed iqajjem l-inkwiet kien ittieħed mill-Qorti Kostituzzjonali tal-Polonja. Fl-istess ħin, id-digriet għalaq il-bieb għal waħda mill-aħħar ‘raġunijiet’ għall-abort fil-Polonja – u wara l-isfida legali li d-deputati tal-partit ta’ Kaczynsky kienu ressqu s-sena l-oħra.

Id-deċiżjoni tfisser li t-terminazzjoni tat-tqala fil-Polonja hi valida biss f’każi ta’ stupru inkella fejn mara jkollha x’taqsam ma’ membru tal-istess familja. L-abort hu wkoll permissibbli ( fil-Polonja) f’sitwazzjonijiet fejn il-ħajja tal-omm tkun spiċċat f’periklu ċar.