Lokali

Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna se jwarrab

Matul ix-xahar id-dieħel, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna mistenni jirtira mill-politika wara 7 snin f’din il-kariga. Scicluna kien diġà kkonferma ma’ Robert Abela li mhux fi ħsiebu jikkontesta għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Dan ġie żvelat mill-ġurnal Times of Malta fejn qed jirrapportaw li r-riżenja ta’ Scicluna, li illum il-ġurnata għandu 74 sena, ser tkun qed twassal għal re-shuffle fil-kabinett ta’ Abela, biċ-Chief of Staff u l-Membru Parlamentari Laburista, Clyde Caruana – favorit li jieħu s-siġġu tieghu fil-kabinett ta’ Scicluna.

Sieħeb Robert Abela, Clyde Caruana, il-favorit sabiex jieħu post Scicluna, mexxa l-aġenzija governattiva tal-Jobs Plus fejn mexxa l-filosofija ta’ Muscat li jibbaża l-ekonomija Maltija kollha kemm hi fuq it-tkabbir tal-popolazzjoni.

Scicluna, minn naha tieghu, serva bħala Ministru tal-Finanzi sa mill-2013 meta kien ġie elett bħala Membru Parlamentari mis-seba’ distrett u sussegwentament kien sar parti mill-Kabinett tal-Eks Prim Ministru Joseph Muscat – grupp ta’ Ministri deskritt fil-Qorti minn Scicluna stess bħala wieħed li fih innifsu kellu kitchen cabinet.

Qabel ma serva fil-Parlament Malti, Edward Scicluna kien serva wkoll bħala Membru Parlamentari Ewropew.