Lokali Unjoni Ewropea

Il-Qorti Ewropea tisma’ l-każ dwar il-ħatriet ta’ Muscat u Bonnici

Dan kien l-ewwel każ li Malta qatt kellha quddiem il-Grand Chamber

Il-Qorti Ewropea bdiet tisma l-kawża ta’ Repubblika fil-konfront tal-Gvern Malti dwar il-ħatriet tal-ġudikatura li saru f’April tas-sena li għaddiet mill-Prim Minisru tal-ġurnata Joseph Muscat u mill-Ministru tal-Ġustizzja ta’ dakinhar Owen Bonnici.

F’seduta twila ta’ sitt siegħat, li minflok il-ħames imħallfin li ssoltu jippressjedu f’din il-Qorti kien hemm total ta’ ħmistax il-imħallef, l-avukat li qed jidħer għal Repubblika Jason Azzopardi wieġeb mistoqsijiet dwar dawn il-ħatriet.

Is-seduta fil-Qorti Ewropea

Il-Qorti Ewropea se tkun qed tiddeċiedi jekk dawn il-ħatriet li skont l-organizzazzjoni Repubblika jmorru direttament kontra r-rakkomandazzjonijiet li kient għamlet il-Kummissjoi Venezja ftit tax-xhur qabel.

Id-deċizjoni tal-Qorti Ewropea f’dan il-każ mistennija jkollha impatt mhux biss fuq pajjiżna iżda anke fuq pajjiżi oħra fejn ukoll jista’ jkun hemm irregolaritajiet fil-mod kif jinħatru l-membri tal-ġudikatura.

Osservaturi ta’ din il-Qorti kkummetaw fuq in-numru kbir ta’ mistoqsijiet li għamlu l-imħallfin fis-smigħ tal-bieraħ, u li rriżultaw f’seduta twila aktar minn dawk tas-soltu.

L-Avukat Jason Azzopardi iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-Imħallfin fil-Qorti Ewropea

Preżenti għal din is-seduta kien hemm ukoll rappreżentanza tal-Iżvezja, l-Olanda u l-Belġju li kellhom żewġ avukati kull wieħed jirrappreżentawhom u li appoġġjaw lil Repubblika filwaqt li l-Polonja għamlet- l-argumenti tagħha kontra.

Intant il-Gvern Malti għażel li jibgħat sabiex jirrappreżentawh f’din il-kawża ħames avukati Spanjoli li mis-seduta tal-bieraħ ħareġ ċar li mhumiex midħla tal-Kostituzzjoni Maltija.

Dan minkejja li pajjiżna għandu avukati ta’ livell għoli u li ta’ kull sena jiggradwaw mall-mitt avukat ġdid.

L-Avukat Ġenerali fi ħdan il-Qorti Ewropea mistenni jagħti l-opinjoni tiegħu dwar dan il-każ biex imbagħad ftit xhur wara, il-Qorti Ewropea tagħti s-sentenza finali, li ġeneralment tkun ibbażata fuq l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali.