Lokali

Il-Prim Ministru għandu jkeċċi lill-Kap Eżekuttiv tal-MFSA Joe Cuschieri – PN

Il-Prim Ministru għandu minnufih ikeċċi lill-Kap Eżekuttiv tal-Malta Financial Services Authority (MFSA) Joe Cuschieri wara li llum ġie żvelat kif dan mar fuq btala ma’ Yorgen Fenech u serva wkoll bħala l-konsulent tiegħu.

Hekk sostna l-Partit Nazzjonalista fejn spjega li l-aħbar tal-lum li ċ-Chairman tal-MFSA Joe Cuschieri mar fuq btala Las Vegas ma’ Yorgen Fenech hija daqqa oħra għar-reputazzjoni ta’ pajjiżna.  

Il-PN sostna li l-aħħar ħaġa li għandu bżonn is-settur tas-servizzi finanzjarji f’Malta huwa dell fuq ir-regolatur. Cuschieri naqas li jiddikjara pubblikament dawn il-fatti, minkejja l-iżviluppi li seħħew fl-aħħar xhur, u kellhom ikunu l-ġurnalisti tat-Times li kixfu dawn l-aħħar fatti xokkanti li jkomplu jikkonfermaw kif l-istituzzjonijiet f’Malta spiċċaw maħtufa minn min kellu l-interess li jdgħajjifhom. Il-vjaġġi għal btala ta’ Cuschieri tħallsu minn Yorgen Fenech.

“Cuschieri kien wieħed min-nies li tpoġġew f’karigi pubbliċi minn Joseph Muscat u ġew ikkonfermati minn Robert Abela.” 

Il-Partit Nazzjonalista saħaq li Robert Abela jrid minnufih jiddikjara meta sar jaf b’dan il-vjaġġ. Robert Abela għandu minnufih jitlob liċ-chairpersons tal-entitajiet pubbliċi kollha li jiddikjaraw pubblikament kull każ ta’ kunflitt ta’ interess bħal dan li jista’ jimpedihom milli jwettqu l-funzjoni tagħhom.

“Robert Abela irid jgħaddi mill-kliem għall-fatti u juri li għandu d-determinazzjoni li jibda jsewwi l-ħsara kbira li saret lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.”

Ikkummenta