Lokali Qorti

Il-Qorti Kostituzzjonali tordna biex jingħalqu l-provi fil-każ ta’ Silvio Zammit, li nkisru d-drittijiet fundamentali tiegħu

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni tagħha ta’ Qorti Kostituzzjonali ordnat lill-Qorti tal-Maġistrati biex tiddikjara magħluqa l-provi fil-kumpilazzjoni kontra Silvio Zammit fuq każ ta’ kompliċità fuq tixħim ta’ €60 miljun minn kumpanija Svediża tat-tabakk.

Il-Qorti preseduta mill-Imħallef Lawrence Mintoff qalet li d-dewmien wassal biex Zammit sofra ksur tad-dritt funadamentali tiegħu għal smigħ xieraq fi żmien raġonevoli kif protett mill-artikolu 39 tal-Kostituzzjoni.

Il-Qorti qalet li l-Avukat Ġenerali kaxkar saqajh billi rrifjuta li jiddikjara l-evidenza tiegħu magħluqa f’saga legali li ilha għaddejja aktar minn sitt snin.

Zammit kien diġa’ ppreżenta rikors aktar minn sena ilu fil-Qorti Kostituzzjonali minħabba d-dewmien eċċessiv, bl-Avukat Ġenerali iressaq appell, li kien ġie miċħud.

L-atti tal-każ kienu ntbagħtu lura lill-Qorti tal-Maġistrati biex ikomplu jinstemgħu, iżda kellhom jiġu assenjati mill-ġdid lill-Maġistrat ġdid wara li l-Maġistrat li kien qed jisma’ l-kawża ġie promoss għall-Imħallef.

Dan wassal għal aktar dewmien minkejja li l-Qorti Kostituzzjonali ddeċidiet li Zammit kien qed isofri ksur kontinwu tad-dritt fundamentali tiegħu għal smigħ ġust, sostnew l-avukati tiegħu Edward Gatt u Kris Busietta, id-dewmien baqa’ jippersisti.

“Wara l-ewwel sentenza mill-Qorti Kostituzzjonali, Zammit kien taħt l-impressjoni li l-Avukat Ġenerali kien se jirrikonoxxi li din is-sitwazzjoni ma tistax tkompli u fin-nuqqas tax-xhieda ta’ Inge Delfosse, tiddikjara li l-provi tal-Prosekuzzjoni ngħalqu,” huma argumentaw.

Imma dan ma kellux ikun. Minflok, qalet id-difiża, ta’ Zammit, l-Avukat Ġenerali kompla jkaxkar saqajh għal xahar wara l-ieħor, mingħajr ma jiġri xejn f’diversi seduti.

L-avukati tiegħu kienu rrimarkaw li minkejja li ddikjaraw li d-drittijiet fundamentali tal-klijent tagħhom kienu qed jinkisru bid-dewmien kontinwu, is-sentenza mill-ewwel Qorti Kostituzzjonali ma tat l-ebda limitu ta’ żmien għall-għeluq tal-provi tal-Prosekuzzjoni.

Zammit kien qal li fi Frar 2019, l-Avukat Ġenerali “ħolom” evidenza oħra meħtieġa, minkejja li għaddew aktar minn sitt snin mill-bidu tal-proċeduri, u talab kampjun ta’ vuċi għal paragun ma’ recording, allegatament ta’ Zammit jkellem lil Delfosse.

Barra minn hekk, meta l-A.Ġ. kien ħareġ l-artikoli li taħthom Zammit kellu jiġi ġġudikat, il-Qorti ma qrathomx, minkejja talbiet ripetuti għal dan. Huwa biss meta jinqraw l-artikoli li l-Qorti tista’ tittrasforma ruħha minn Qorti ta’ inkjesta kriminali għal waħda ta’ ġudikatura kriminali.

L-artikoli kienu wkoll nħarġu bil-kundizzjoni li ssir l-analiżi tar-recording. Dan ma kellux bażi legali, qalu l-avukati ta ’Zammit. “Jekk l-A.Ġ. jibgħat l-artikoli biex jinqraw u l-akkużat m’għandu l-ebda oġġezzjoni li l-każ jiġi ġġudikat mill-Qorti tal-Maġistrati, dawk l-artikoli għandhom jinqraw.”

Kien evidenti, qalu, li l-A.Ġ. ma kellu “l-ebda diffikultà li jżomm lill-imputat fi stat perpetwu fejn jinkiser id-dritt fundamentali tiegħu għal smigħ ġust,” u li kienet biss ordni diretta minn Qorti Kostituzzjonali li l-każ tal-Prosekuzzjoni jista’ jingħalaq.

Il-Qorti ntalbet tiddikjara li d-drittijiet ta’ Zammit inkisru u tordna l-għeluq immedjat tal-provi tal-prosekuzzjoni, liema talba l-Imħallef Mintoff laqa’. L-Imħallef osserva li wara s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali, saru mhux inqas minn 16-il seduta bejn is-26 ta’ Lulju, 2018, u d-9 ta’ Mejju, 2019, quddiem il-Qorti tal-Maġistrati.

Madankollu l-Avukat Ġenerali baqa’ ma deherx, għalkemm kien mitlub minn dik il-Qorti biex jidher. Il-Qorti qalet li ma tistax ma tiddeplorax dan l-aġir tal-Avukat Ġenerali.

Huwa mhux biss injora l-ordni tal-ewwel Qorti Kostituzzjoni, sabiex jikseb x-xhieda ta’ Inge Delfosse mill-aktar fis possibbli u fin-nuqqas jagħlaq il-provi tiegħu, imma saħansitra naqas wkoll li jagħti każ l-ordni tal-Qorti tal-Maġistrati sabiex jibgħat l-Artikoli jew l-att tal-akkuża.  

Il-Qorti għaldaqstant laqgħet it-talbiet ta’ Zammit u filwaqt li ddikjarar li huwa sofra ksur tad-dritt fundamentali tiegħu għal smigħ xieraq fi żmien raġonevoli.

Għaldaqstant ordnat sabiex il-Qorti tal-Maġistrati tiddikjara li l-provi tal-Prosekuzzjoni fil-kumpilazzjoni fl-ismijiet Il-Pulizija: Spettur Yvonne Farrugia vs Silvio Żammit: huma magħluqa u għandha tgħaddi sabiex taqra l-Artikoli.  

Il-każ imur lura għall-iskandlu tat-tixħim tal-2012 li fih John Dalli, eks Kummissarju Ewropew kien allegatament involut bil-Prosekuzzjoni tallega li Zammit kien involut. 

Il-każ kien żviluppa wara li bdiet investigazzjoni mill-OLAF dwar l-iskandlu tat-tabakk snus. Dak iż-żmien, John Dalli kien Kummissarju Ewropew responsabbli mis-Saħħa.