Minkejja d-diversi miżuri mħabbra fil-budget għall-2021, il-pensjonanti qed jgħidu li l-miżuri mħabbra dwar il-pensjonanti huma bbażati fuq short term policies.
L-Għaqda Nazzjonali tal-Pensjonanti qalet li l-miżuri li ħabbar il-Gvern ma kienux biżzejjed sabiex dawk li verament jgħixu fir-riskju tal-faqar jinqalgħu minn dan l-istat tal-biki u jgħixu ħajja iktar diċenti.
Dan kollu qed jiġri, u ser jibqa’ jseħħ, sakemm id-dħul ta persuna maż-żiedet mogħtija jibqa’ jinbela’ mill-prezzijiet ogħlja li jiffaċċja l-pensjonant matul is-sena kollha biex jixtri l-bżonnijiet neċessarji tieghu u tagħha, kompliet l-istqarrija.
Sabiex il-pensjonanti jibdew jieħdu r-ruħ hemm bżonn li t-talbiet tagħhom fuq bażi long term jiġu diskussi u implimentati, qalet l-Għaqda.
Irridu wkoll nkunu nafu x’għandu jkun id-Dħul Minimum neċessarju sabiex pensjonant jgħix ħajja diċenti fl-aħħar żmien ta’ ħajtu. Konferenzi u taħdidiet dwar id-Dħul Minimu ilhom isiru fl-Ewropa u f’Malta għal dawn l-aħħar għoxrin sena imma ftit li xejn sar dwaru.
L-Għaqda Nazzjonali tal-Pensjonanti fakkret ftit mill-proposti tagħha li huma ta’ ċerta urġenza u qalet li tistenna li l-awtoritajiet konċernati jaħdmu fuqhom matul is-sena li ġejja, u dawk ta’ wara:
a. Għandha tiġi kkunsidrata u analizzata t-trawma li għaddew minnha ħafna anzjani matul il-pandemija tal-Covid-19 u l-konsegwenzi fiżiċi u mentali li ħallew fuqhom il-miżuri u r-restrizzjonijiet imposti fuqhom u li għadhom jinħassu minnhom sal-lum. l-Għaqda tagħna titlob ukoll li l-vouchers għandhom jintużaw ukoll għax-xiri ta’ mediċini minn dawn l-anzjani u li jibqgħu applikabbli fis-sena 2021.
b. Il-Pensjoni Minima Nazzjonali (PMN) għandha tiżdied għall-livell fejn persuna ma tibqax iktar f’riskju li taqa’ fil-faqar.
c. Għandha tiġi risolta darba għal dejjem il-kwistjoni antika tal-Pensjoni tas-Servizz.
d. Għandhom jiġu msaħħa d-drittijiet ta’ persuni anzjani billi tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni (Ageism) kontra l-anzjani minħabba l-età.
e. Nisa miżżewġa bit-tfal li jirritornaw għax-xogħol m’għandhomx jiġu mċaħħda milli jibbenefikaw mill-kundizzjonijiet kollha li jieħdu nisa oħra li baqgħu jaħdmu. Lanqas m’għandhom jiġu diskriminati nisa ta’ ċertu età milli jagħmlu l-breast-screening, kif inhu l-każ illum.
f. Għandu jiġi żgurat dħul xieraq għall-anzjani permezz prinċipalment ta’ pensjonijiet adegwati u kumpensi oħra xierqa marbuta mal-anzjanità, kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa.
g. Għandu jiġi żgurat id-dinjità tal-persuna matul l-ħajja kollha tagħha billi tingħata kura tas-saħħa ta’ kwalità u li tkun affordabbli għal persuni li jkunu laħqu l-età ta’ anzjanità meta l-iktar ikollhom bżonnha.
h. Li r-rati tal-pensjoni għandhom ikunu relatati mal-kontribuzzjonijiet li jkunu tħallsu matul is-snin ta’ ħidma. Il-pensjonanti jistennew li jekk ħallsu l-kontribuzzjonijiet kollha matul l-impieg tagħhom għandhom bi dritt jitħallsu pensjoni sħiħa u dan mingħajr ebda tnaqqis.
i. Li t-trasport pubbliku għall-anzjani għandu jkun b’xejn għal dawk li huma minn 60 sena ’l fuq u li jiġi stallat lift biex jintuża minn dawk, speċjalment anzjani u nies diżabbli, li jjinżlu minn Triq Ġilormu Cassar, Valletta, għall-parti tat-terminus pubbliku li jinsab fil-Foss ta’ San Ġakbu.
j. Għandha tispiċċa d-diskriminazzjoni dwar id-Dħul Pensonabbli Massimu bejn benefiċċjarji li twieldu sal-31 ta’ Diċembru 1961 u qabel u dawk li tiweldu fl-1 ta’ Jannar 1962 u wara.
k. Li l-pensjonanti rikoverati f’istituzzjonijiet tal-Gvern għandhom jirċievu l-istess konċessjonijiet ta’ taxxa bħal dawk li huma rikoverati f’istituzzjonijiet privati.
l. Li d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali għandu jingħata r-riżorsi u l-mezzi kollha meħtieġa biex ir-re-assesmentstal-pensjonijiet (li skont il-liġi tas-Sigurtà Soċjali għandhom isiru kull sena) jiġu aġġornati regolarment kif tirrikejdi l-liġi pertinenti.
m. Li l-pensjoni m’għandhiex titnaqqas meta r-raġel jew il-mara jingħataw il-pensjoni (fil-present ir-rata ta’ persuna miżżewġa hija kalkolata fuq bażi individwali biss).
n. Li l-Bonds+62 tal-Gvern li ħarġu speċifikament għal persuni anzjani għandhom ikollhom maturità ta’ 4 snin u b’imgħax favorevoli u li ma jkunux taxxabbli.
//= $special ?>