Lokali Qorti

Jammettu li serqu minn karavan fl-Aħrax tal-Mellieħa

Żewġ żgħażagħ ammettew quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras li fit-28 ta’ Settembru li għadda serqu diversi oġġetti minn karavan li kien jinsab fl-Aħrax tal-Mellieħa.

Leon Lee Zammit ta’ 21 sena, residenti Ħal Lija u li jaħdem bħala ‘panel beater’ u żagħżugħ minn Naxxar li ismu ma jistax jissemma għax għadu taħt l-eta ammettew li wettqu din is-serqa bejn id-9.30pm u l-10.30pm.

L-Ispettur Lydon Zammit assistit mill-Ispettur Stephen Gulia qal li kien hemm persuna li rat is-serqa ssir bl-akkużati jitilqu mill-post b’karozza Peugeot 106. Qal li huma rnexxielhom jaslu għall-akkużati permezz tal-marki tas-swaba li qablu ma’ taż-żgħażagħ.

Huma ammettew li l-valur tas-serqa ma jeċċedix l-€2,333 u li kkaġunaw ħsara fil-karavan. Zammit waħdu ġie mixli li kiset il-provedimenti ta’ sentenza sospiċa mogħtija sena ilu, oħra mogħtija fis-6 ta’ Mejju, 2019 u li sar reċediv.

Iż-żagħżugħ ta’ 17-il sena ammetta li fil-jum tas-serqa saq karozza bla liċenzja, bi traskuraġni u b’mod perikoluż, li għamel użu minn karozza mingħajr polza tas-sigurtà u li kiser il-provedimenti tal-Qorti b’sentenza mogħtija fit-2 ta’ Deċembru li għadda.

Il-Qorti tagħat aktar ħin liż-żgħażagħ biex jaħsbuha dwar l-ammissjoni tagħhom, anke jekk l-Avukati – Franco Debono u Marion Camilleri għal akkużat taħt l-età filwaqt li l-Avukat Rachel Tua deheret għal Zammit qalu li kienu deċiżi li jammettu.

Il-Maġistrat Galea Sciberras xorta nsistiet li aħjar jieħdu ż-żmien tagħhom biex jaħsbuha, għaliex minkejja t-talba għall-pre sentencing report mid-difiża, hija xorta waħda tista’ tiddeċiedi li tikkundannahom għal sentenza ta’ priġunerija, “minħabba li l-akkużi huma dawk li huma”.

Dwar il-pre-sentencing report, ma saritx oġġezzjoni mill-Prosekuzzjoni u għalhekk it-talba kienet milqugħa mill-Qorti, bil-Maġistrat Natasha Galea Sciberras tgħid li se tkun hi li tgaħddi biex tagħti s-sentenza fi stadju ieħor.

Sadanittant saret talba għal libertà proviżorja fil-konfront taż-żgħażagħ sakemm tingħata s-sentenza, bil-Prosekuzzjoni wkoll ma toġġezzjonax u din ġie milqugħa fuq depożitu ta’ €300 u garanzija personali ta’ €5,000.