Lokali

L-MUT twissi dwar l-avvenimenti tal-Halloween

Informazzjoni li qed tasal għand l-MUT tindika li xi wħud qed jorganizzaw festini li ser isiru matul tmiem il-ġimgħa li ġejja, partikolarment relatati mal-Halloween.

Filwaqt li l-MUT tifhem li fejn hu possibbli għandna nkomplu nfittxu n-normalità fl-attivitajiet li jsiru kemm għall-adulti, żgħażagħ u tfal, il-union hija mħassba ferm dwar sitwazzjonijiet fejn gruppi ta’ tfal, żgħażagħ u adulti li ma jgħixux fl-istess djar ser ikunu qegħdin jiltaqgħu u jipparteċipaw f’dawn il-festini.

Il-union tħoss li din hi sitwazzjoni li trid tiġi ndirizzata għaliex huwa ċar li r-riskji ta’ tixrid tal-virus waqt festini bħal dawn huma kbar u jistgħu iwasslu sabiex jintilfu l-isforzi kbar li qed isiru fl-iskejjel. Il-pandemija hemm bżonn li titrażżan u dan ma jistax isir mingħajr l-isforzi u r-responsabbiltà tas-soċjetà kollha f’kull ħin.

Għaldaqstant, filwaqt li l-MUT tappella lil kulħadd sabiex tali attivitajiet jiġu evitati, qed tappella wkoll lill-awtoriatajiet tas-saħħa sabiex jagħtu direzzjonijiet ċari dwar dan.