Lokali Qorti

Libjan mixli li kkaġuna feriti gravi fuq tnejn oħra waqt ġlieda b’sikkina

Libjan ta’ 29 sena ġie mixli quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras li fit-30 ta’ Awwissu li għadda fil-Gżira kkaġuna feriti gravi, mingħajr il-ħsieb li joqtol, fuq żewġ Libjani oħra, u dan għall-ħabta tal-11.30pm.

Faisal Meftah Elmghairbi, li għandu karta tal-identità Taljana, u residenti Malta s-Swatar wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih, fosthom li ġarr sikkina bla liċenzja u li kiser l-ordni u l-paċi pubblika.

L-allegati vittmi li kienu ttieħdu l-isptar minħabba ġrieħi li sofrew fil-bidu ma riedux jgħidu minn kien li aggredihom u kienu qalu li ma jafuhx. Madankollu wara sar magħruf li dawn kienu jafuh, bl-akkużat jispiċċa wkoll fuq il-persuni mfittxija mill-Pulizija.

Huwa spiċċa arrestat wara li kienu l-vittmi li ċemplu lill-Pulizija wara li kien ltaqgħu miegħu fejn li ‘skate park’ l-Imsida. Madankollu sa issa għadu mhux magħruf għaliex il-Libjani spiċċaw jiġġieldu fi Triq Ponsomby, il-Gżira.

Elmghairbi ingħata l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €7,000. għalih deheret l-Avukat Giannella De Marco filwaqt li l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Colin Sheldon.