Lokali Parlament

Malta għandha tibqa’ tħaddan il-politika ta’ paċi

Carm Mifsud Bonnici, PN

Id-deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici qal li fil-politika barranija, Malta għandha tibqa’ tħaddan il-politika ta’ paċi u ta’ newtralità bla parteċipazzjoni f’alleanzi militari.

Fid-dibattitu parlamentari dwar il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, id-deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici tkellem dwar il-mod kif il-pandemija xekklet il-ħidma u wera solidarjetà għall-ħidma li wettaq il-korp diplomatiku. Din kienet sena ta’ sfidi kbar.

Dwar l-ambaxxaturi, id-deputat Nazzjonalista qal li f’ġurnata waħda saret karambola meta ċċaqilqu tliet ambaxxati f’jum wieħed, b’ambaxxatur partikolari tinbidel fil-ġurnata stess li nħatret.

Hu semma’ l-indħil kontinwu minn Kastilja fejn anki saret dikjarazzjoni mill-Ambaxxatur fil-Fillandja li kien ingħażel mill-ex Prim Ministru Joseph Muscat u li ta lezzjoni lill-ministru fl-istorja kontemporanja.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-PN żamm prudenza u attenzjoni għax ma jemminx li l-politika barranija għandha ssir kamp ta’ battalja politika. Hu semma’ r-reputazzjoni tal-pajjiż u qal li ċ-ċittadin għandu jbati mill-inqas għall-iżbalji li saru.

Mifsud Bonnici kompla li l-pajjiż ma jistax jarmi dak li l-PN kiseb mal-Indipendenza fl-1964 u żied li l-PN kapaċi jagħmel kritika iebsa iżda mhux lest jissogra r-reputazzjoni ta’ Malta.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-ambaxxati barrain f’Malta kellhom ħafna x’jirraportaw minn dak li seħħ f’Malta waqt li politiċi barranin qajmu ħafna domandi. Dawn huma responsabbiltajiet kbar u l-pandemija ma ħallietx il-ħidma li kellha ssir. Il-pożizzjoni politika hi iktar gravi, sostna d-deputat Nazzjonalista, li qal li fil-budget il-Minsteru għall-Affarijiet tħalla lura ħafna.

Carm Mifsud Bonnici kompla li se tinfetħu l-ambaxxati f’Tokjo u fl-Amerika t’Isfel flimkien mal-Etjopja u iżda m’hemmx informazzjoni dwar fejn se jsiru. Hu pożittiv li l-ambaxxata Maltija fil-Ġappun infetħet iżda l-ambaxxata fil-Ghana jidher li għandha diffikultajiet.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li post Malta mhux f’ħidmiet jew alleanzi militari u sostna li hawn qbil ġenerali dwar il-politika barranija serja u li Malta semma’ leħinha inkluż il-politika Ewropea u Mediterranja.

Malta għandha tibqa’ tkun parti minn politika ta’ paċi u m’għandhiex tikser il-pożizzjoni ta’ newtralità li tħaddan. Il-politika Mediterranja ta’ Malta trid tkun iktar ċara anki fir-realtà tal-UE aktar u aktar meta ċertu rabtiet kulturali qed jispiċċaw kif ġara bil-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE.

Carm Mifsud Bonnici qal li Malta hi dejjem ħabib tal-Libja u Malta għandha tkun parti mill-proċess għaliex tifhem il-partijiet. Malta għamlet ħafna mal-Libja fl-2011 u tkun ħasra jekk dan ir-rapport imur lura.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-ħidma mal-Unjoni Afrikana trid tkun imsaħħa; kif għandha tissaħħaħ il-ħidma fil-Commonwealth issa li r-Renju Unit se joħroġ mill-UE. Dwar l-Italja, Mifsud Bonnici qal r-relazzjonijiet mal-Italja huma kruċjali, iktar u iktar wara Brexit. Meta tkellem dwar Brexit id-deputat Nazzjonalista qal li hu ta’ preokupazzjoni jekk dan isir bla ftehim.

Mifsud Bonnici qal li politika nazzjonali dwar l-immigrazzjoni hi importanti għaliex din mhix ballun politiku.