Lokali Parlament

Malta trid ittejjeb ir-reputazzjoni internazzjonali tagħha

Id-deputat Nazzjonalista Kristy Debono qalet fil-parlament li Malta jeħtieġ b’mod immedjat ittejjeb ir-reputazjzoni internazzjonali tagħha.

Fid-dibattitu parlamentari dwar il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin id-deputat Nazzjonalista Kristy Debono qalet li l-Ministeru għandu jkun ta’ sostenn għan-negozji, għall-infrastruttura, għas-saħħa, għall-ambjent u għal kull qasam ieħor.

Dan kien budget li kien fjakk mid-dettal, fjakk mill-viżjoni u li falla milli jelenka pjan konkret ekonomiku fit-tul li verament jiggarantixxi s-sostennibilita ekonomika, finanzjarja, ambjentali u soċjali għal pajjiżna.

F’dan is-settur wieħed kien jistenna ferm aktar dettalji speċjlament fuq il-parti tal-fondi li huma r-recovery funds. Hemm €9 miljuni għall-agrikoltura, €101 miljun f’fondi ta’ koezjoni u €16-il miljun f’fondi għal riċerka u innovazzjoni. Dawn iridu jibdew jintefqu minn Jannar li ġej, peress li huma fondi apposta għall-irkuprar mill-impatt finanzjarju tal-COVID 19. Għalhekk il-budget kellu jinkludi pjan ta’ kif dawn il-fondi jiġu allokali.

Il-Kummissjoni Ewropea għamlitha ċara li l-persentaġġ qawwi tal-Fondi għas-seba’ snin li ġejjin iridu jiġu dedikati għall-inizjattivi diġitali u green; fil-budget dan l-aspett mhux rifless. Jirriżulta li m’hemmx fondi Ewropej dedikati għall-għajnuna diġitali lill-SMEs.

Ma jissemma l-ebda dettal dwar kif il-Fondi se jiġu investiti, f’ekonomija ħadra. Kristy Debono qalet li l-ambjent u l-ekonomija anzi jiddependu fuq xulxin. Dan il-budget tilef l-opportunità li jelenka d-dettalji li verament jikkonvinċu kemm il-Gvern huwa kommess li jinvesti, li jibbaża l-politika tiegħu fuq l-ekonomija l-ħadra minngħajr ma’ jelenka kif se jiġu allokati u fejn il-Fondi Ewropej.

Mill-COVID recovery fund biss, E9 miljun huma ddedikati għall-agrikolura. Hu importanti li titwetatq il-viżjoni tal-bdiewa u s-sajjieda li bħalissa għaddejjien minn sfidi immaġinabbli jiġu megħjuna permezz ta’ Fondi Ewropej dedikati għalihom.

Hu pożittiv li l-Gvern se jkompli juża’ l-Fondi Ewropej biex ikompli jinvesti fl-ambjent, fit-tibdil fil-klima, fir-riċerka u innovazzjoni, fl-edukazzjoni u fit-teknoloġija diġitali.

Hi appellat li jeħtieġ bidla radikali biex insaħħu l-pożizzjoni tagħna biex mhux biss nattiraw u nakkwistaw il-Fondi Ewropej iżda biex naraw li nużaw kull Ewro allokat għalina.

Jeħtieġ li nsaħħu aktar anke lil dawk il-multipliers bħal Meusec, MCST, EEN – l-Enterprise Europe Network u d-diversi consultancy firms sabiex ikunu jistgħu ikunu ta’ aktar għajnuna lil SMEs u l-NGOs tagħna.

Id-deputat Nazzjonalista Kristy Debono sostniet li l-edukazzjoni hi pilastru ieħor li jinvesti kontinwament fl-unika u l-aqwa riżors li għandu pajjiżna; ir-riżors uman. Anke dan is-settur bla dubju ta’ xejn għaddej mill-akbar sfidi possibli minnħabba l-pandemija.

Il-Fondi Ewropej huma vitali fuq diversi aspetti b’mod partikolari programmi speċjali ta’ tagħrif u esperjenza. Jeħtieġ li l-Gvern ikompli ukoll jħeġġeġ u jinvesti fl-iskejjel tagħna, kulleġġi sekondarji, post sekondarji u terzjarji biex aktar studenti jibbenifikaw u jipparteċipaw f’programmi bħal Erasmus. Jeħtieġ li anke s-sistema edukattiva tagħna tkun aktar kompattibbli ma’ dawn il-programmi.

L-Ewropa tista tkun il-mutur biex tgħin lid-dinja toħroġ iktar malajr mir-ricessjoni. Il-Gvern għandu jniedi front desk/help line dwar l-applikazzjoni tal-fondi Ewropej. Proposta oħra hi li l-Gvern jgħaġġel il-proċess tal-applikazzjonijiet ta’ fondi Ewropej għal fondi indiretti.

Ir-relazzjoniet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit iddeterjoraw u hu kruċjali li l-Gvern iżomm kommunikazzjoni wiesa’ man-negozji li għandhom kummerċ mar-Renju Unit.

Jeħtieġ ikun analizzat x’rwol jista’ jkollu pajjizna fit-tfassil tal-ekonomija ġdida Ewropea. Ejja nużaw iċ-ċokon tagħna biex niddentifikaw b’iżjed immedjattezza l-problema u s-soluzzjoni.

Ejja fuq kollox nerġgħu nirrestawraw ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna ħalli verament mhux biss npoġġu lil pajjiżna fuq quddiem nett fis-suċċessi ekonomiċi però tpoġġina f’pożizzjoni aħjar biex ninnegozjaw id-drittijiet tagħna fil-fora Ewropej, ħalli l-ewwel u qabel kollox inżommu dak li għandna fejn tidħol sovrenità fiskali, u allura nsaħħu u nipproteġu li għandna iżda jkollna dak il-bargaining power biex ninegozjaw dejjem aħjar għal kull wieħed u waħda minnha u għal pajjiżna, sostniet Kristy Debono.