Internazzjonali

Stati Uniti: Aktar inkwiet f’Philadelphia wara l-qtil ta’ raġel iswed mill-pulizija

Mijiet ta’ dimostranti ħarġu fit-toroq ta’ Philadelphia għat-tieni lejl konsekuttiv fost l-għajjat għal ġustizzja wara l-qtil ta’ raġel iswed taħt idejn il-pulizija.

Il-familja tal-vittma – Walter Wallace ta’ 27 sena – qed tgħid li hu kien qed ibati minn ‘kriżi tal-moħħ’ meta l-pulizija fetħu n-nar fuqu. Iżda kelliema għall-pulizija qalu li l-uffiċjali tal-liġi sparaw fuq Wallace għaliex hu irrifjuta d-direttivi biex jitlaq sikkina minn idejh.

Sadanittant,  il-pulizija – megħjuna mill-membri tal-Gwardja Nazzjonali – żiedu l-preżenza fil-belt ta’ Philadelphia fejn qed jirrenja stat kbir ta’ tensjoni. Ir-rapporti  qalu, li weġġgħu talanqas 30 pulizija fl-ewwel lejl ta’ konfronti mad-dimostranti f’din il-belt.

L-awtoritajiet f’Philadelphia anki akkużaw lid-dimostranti dwar serq mill-ħwienet u diversi atti ta’ vandaliżmu waqt il-protesti li ilhom għaddejjin mit-Tnejn.

L-aħħar inċidenti f’Philadelphia żviluppaw wara li l-membri ta’ skwadra tal-pulizija għal kontra l-irvellijiet bdew jimbuttaw lura lid-dimostranti mill-pożizzjonijiet li pruvaw jokkupaw. L-awtoritajiet għall-emerġenzi, fl-istess ħin, wissew lir-residenti ta’ diversi zoni tal-belt biex jibqgħu d-dar ‘minħabba l-vjolenza u l-każi ta’ serq li kienu għaddejjin waqt id-dimostazzjonijiet’.

Ir-rapporti qalu wkoll li d-dimostranti pruvaw itellgħu l-barrikati waqt li l-pulizija użaw il-lembubi u pepper spray fuq in-nies ‘wara li sfaw attakkati mid-dimostranti’.