Internazzjonali

Stati Uniti: Jivvutaw, s’issa, ‘il fuq minn 70 miljuni – aktar min-nofs il-konkorrenza tal-2016

‘Il fuq minn 70 miljun Amerikan, s’issa, ivvutaw fil-proċess ta’ votazzjoni bikri għall-Presidenza ta’ pajjiżhom – b’din iċ-ċifra tikkonferma li vvotaw aktar min-nofs iċ-ċittadini li kienu eżerċitaw id-dritt tal-vot waqt l-elezzjoni tal-2016 li ntrebħet mill-kandidat Repubblikan (u llum President) Donald Trump.

Ħafna mill-Amerikani li tefgħu l-vot kmieni għamlu dan biex jevitaw li jispiċċaw esposti għall-coronavirus fatali.

Intant, Joe Biden – il-kandidat tal-Partit Demokratiku għall-White House – fl-aħħar sigħat kien qed ikompli bil-kampanja elettorali fl-Istat importanti ta Georgia. Dan meta d-Demokratiċi qegħdin jagħmlu li jistgħu biex joħorġu fuq quddiem f’dan l-Istat li għandu fama bħala fortizza tar-Repubblikani.

Intant, Biden infexx f’attakk bla heda fuq il-mod kif Donald Trump, fl-aħħar xhur, mexxa l-impenji għall-kontroll tal-coronavirus f’pajjiżu. Il-kandidat Demokratiku  sostna li ‘il-President falla fid-dover tiegħu għall-ħarsien tal-poplu Amerikan’.

Sadanittant, Trump kien il-protagonista waqt rallies għar-Repubblikani li saru f’Michigan, Wisconsin u Nebraska. Hu, mill-ġdid, ikkuntesta l-integrità tal-elezzjoni li se ssir fit-3 ta’ Novembru u sostna li ‘ma jkunx xieraq’ proċess fejn wieħed jieħu aktar ħin milli suppost biex jgħodd il-voti li jintefgħu bil-posta.

Fl-aħħar sigħat, Donald Trump kellu jindirizza żewġ rallies f’Arizona – Stat ieħor kruċjali fejn l-istħarriġ ta’ opinjoni ‘lokali’ qed jindika vantaġġ għal Joe Biden.

Min-naħa tiegħu, Joe Biden kien qed iħejji diskors f’Delaware, bil-għan li jfassal il-pjani għal kampanja effettiva għal kontra l-coronavirus  u li jipproteġi lill-Amerikani li jbatu minn kundizzjonijiet tas-saħħa partikulari.