Internazzjonali

Turkija: Lejn azzjoni legali minħabba karikatura ta’ Erdogan

It-Turkija impenjat ruħha għal ‘azzjoni legali u diplomatika’ fil-każ ta’ karikatura dwar il-President Tork, Recep Tayyip Erdogan, li kienet pubblikata fil-ġurnal satiriku Franċiż ‘Charlie Hebdo’.

Il-karikatura ‘turi’ lill-President Tork qed iwaqqa għaċ-ċajt lil mara liebsa l-velu u r-rapporti qalu li l-prosekuturi Torok bdew investigazzjoni uffiċjali dwar il-ġurnal inkwistjoni.

Bħalissa hemm tensjoni kbira bejn Franza u t-Turkija wara li l-President Franċiż, Emmanuel Macron, wiegħed li jieħu pożizzjoni aktar iebsa fil-konfront tal-Islam radikali.

Min-naħa tiegħu, il-President Erdogan sejjaħ biex it-Torok jibbojkottjaw il-prodotti ta’ Franza u anki sostna li ‘Emmanuel Macron jeħtieġ li jgħaddi minn eżami medika’.

Il-kwistjoni taħraq qed tħalli wkoll ir-riperkussjonijiet madwar id-dinja – fost il-protesti u sensiela ta’ bojkotts kontra Franza f’diversi pajjiżi ta’ maġġoranza Musulmana bħal Bangladesh, il-Ġordan, il-Kuwajt u l-Libja.

Il-kontroversja qed tikber wara li l-President Macron wiegħed biex jiddefendi s-sekulariżmu wara l-qtil xokkanti ta’ għalliem Franċiż li spiċċa b’rasu maqtugħa meta kien attakkat minn aggressur ta’ nisel Ċeċen. L-attakk, fil-limiti ta’ Pariġi, seħħ minħabba li l-għalliem, Samuel Paty, kien wera karikatura tal-Profeta Mohammad – il-fundatur tal-Islam – lil klassi ta’ studenti.

Il-karikaturi ta’ Mohammad jitqiesu bħala insult mill-Musulmani. Iżda l-President Macron qal li l-għalliem ‘inqatel għaliex l-Islamiċi jridu jkunu f’kontroll tal-futur’. Hu għamilha ċara wkoll li ‘Franza mhix se tirrinunċja d-dritt għall-karikaturi’.

Fl-aħħar sigħat il-karikatura dwar Erdogan kienet qed ‘issaħħan l-irjus’ fi ħdan il-Gvern Tork, waqt li l-Viċi-President tat-Turkija, Fuat Oktay, sejjaħ biex il-komunità internazzjonali ‘issemma leħinha kontra l-azzjoni (il-karikatura) kundannabbli’.

Sadanittant, il-ġurnal satiriku Tork ‘Misvak’ – li jiffavorixxi lill-Gvern ta’ Erdogan – iċċirkola numru ta’ karikaturi li jikkritikaw lil Macron u Charlie Hebdo fuq Twitter, bħala forma ta’ ‘ritaljazzjoni’.